STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Kampanja ta’ tilqim staġjonali
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, spjega kif din is-sena, minbarra t-tilqim b’xejn kontra l-influwenza u l-COVID-19, ser tkun qed tiġi offruta l-vaċċin Pnewmokokkali 20 (PCV 20) mingħajr ħlas lill-individwi kollha li għandhom 65 sena jew aktar.
Il-Ministru Abela qal kif dawn huma tliet mikrobi li joħolqu ħafna mard u kumplikazzjonijiet f’dawk il-persuni li huma vulnerabbli speċjalment fl-anzjani li għandhom ’il fuq minn 65 sena. Saħaq li din tkompli mal-istrateġija tal-gvern biex ikomplu jħarsu s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Ministru Abela spjega kif din is-sena, apparti miċ-Ċentri tas-Saħħa, dawn it-tliet vaċċini ser ikunu jistgħu jiġu offruti għall-ewwel darba mill-kunsilli lokali li jixtiequ joffru dan is-servizz, dejjem fil-preżenza ta’ tabib u billi jinżammu u jintbagħtu rekords fir-reġistru tat-tilqim. Huwa ħeġġeġ biex il-kunsilli lokali jippromwovu b'mod attiv it-tilqim fil-komunitajiet tagħhom.
“Kommessi li nkomplu nieħdu passi fil-ġlieda tagħna kontra l-mard infettiv u fis-salvagwardja tas-saħħa pubblika,” tenna l-Ministru Abela, filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu l-opportunità u jitlaqqam. Saħaq li dan l-investiment se jkompli jipproteġi lill-popolazzjoni Maltija fix-xhur tax-xitwa li ġejjin. “Din l-inizjattiva hija xhieda tal-impenn tal-Gvern li jinvesti fil-protezzjoni tas-saħħa u jiżgura l-benesseri tal-poplu Malti u Għawdxi,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Individwi eliġibbli jistgħu jirċievu t-tilqim tagħhom fil-postijiet u l-ħinijiet li ġejjin:
• Il-Mosta, il-Furjana, Raħal Ġdid, u ċ-ċentri tas-saħħa ta’ Għawdex: Disponibbli matul il-ġimgħa kollha, inklużi tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi, mis-13:00 sas-19:00 (walk-in service).
• Bormla, Birkirkara, il-Gżira, Ħal Kirkop, ir-Rabat, u ċ-ċentri tas-saħħa ta’ Ħal Qormi: Disponibbli mit-Tnejn sal-Ġimgħa, esklużi l-festi pubbliċi, mis-13:00 sas-19:00 (walk-in service).
Wara l-15 ta’ Diċembru 2024, il-vaċċini kontra l-influwenza u l-COVID-19 se jkomplu jkunu disponibbli permezz tal-kmamar tat-trattament taċ-ċentri tas-saħħa, u l-vaċċin PCV 20 se jkun disponibbli b’appuntament permezz tal-kliniċi tas-Servizz Nazzjonali tal-Immunizzazzjoni. It-tliet vaċċini jistgħu jingħataw f’sessjoni waħda, jew jinfirxu kif meħtieġ, abbażi l-preferenza tal-pazjent.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN