STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Tibda d-diskussjoni fi stadju tat-tieni qari fil-Parlament dwar l-emendi legali li ser iħarrxu l-ġlieda fuq min jattakka uffiċjali pubbliċi
Prinċipji ewlenin:
•Ebda każ fejn persuna tkun aggrediet Pulizija jew uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu m’għandu jitlaq mill-Qorti b’sentenza sospiża
•Qed inħarrxu l-multi u l-pieni ta’ ħabs biex nagħtu lok li l-qorti tkun iktar iebsa fejn tħoss il-ħtieġa li tagħmel dan
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri beda t-tieni qari fil-Parlament dwar l-emendi legali li ser iħarrxu l-ġlieda fuq min jattakka uffiċjali pubbliċi. Emendi li ser ifissru li filwaqt li tkun il-qorti li tiddeċiedi l-kastig xi jkun, fil-parametri tal-liġi, sentenza sospiża u libertà kundizzjonata mhux ser ikunu għażla. Dan filwaqt li ser jiżdiedu l-pieni ta’ ħabs u l-multi għal min iwettaq vjolenza fuq il-Korpi Dixxiplinati u uffiċjali pubbliċi.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Ministru Byron Camilleri fisser dawn l-emendi bħala għodda msaħħa għall-qorti biex taħdem, dejjem skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ dak il-każ, u li fuq kollox qegħdin jibgħatu messaġġ qawwi favur il-forzi tal-ordni tagħna, favur l-istima lejn l-uniformi u d-dixxiplina. Iżda tkellem favur il-ħtieġa li parallel, noħolqu l-prevenzjoni billi indakkru kultura ta’ rispett, biex dawn il-liġijiet niġu bżonn li nħaddmuhom mill-inqas.
“Minkejja li qegħdin nitkellmu fuq liġijiet partikolari għal min jattakka uffiċjali pubbliċi, ikun għajb għalina jekk l-ewwel ma naħdmux fuq il-ħtieġa li noħolqu l-prevenzjoni, u m’hemmx prevenzjoni aqwa mir-rispett lejn l-awtorità. Rispett li ma jfissirx li taqbel dejjem, imma li anke fejn ma taqbilx tindirizza dik il-kwistjoni bl-ikbar sens ta’ edukazzjoni u skont il-proċeduri stabbiliti.”
F’dan l-isfond, il-ministru ta elenku tal-prinċipji ewlenin ta’ dawn l-emendi filwaqt li sostna li ebda attakk fuq awtorità ma jista’ qatt ikun iġġustifikat. Dan filwaqt li qatt ma jista’ jkun iġġustifikat li jsiru allegazzjonijiet foloz fil-konfront ta’ ħaddiema li joħorġu jwettqu xogħolhom. “Dik kienet waħda mill-iktar affarijiet li ridt nindirizza bħala ministru meta ngħatajt ir-responsabbiltà. Kien proprju għalhekk li daħħalt il-body cams biex inaqqsu l-vjolenza fuq il-pulizija, imma daqstant ieħor inaqqsu l-allegazzjonijiet fiergħa li saru ħafna drabi. Bħalma qatt mhu aċċettabbli l-instigar ta’ tgħajjir u diżrispett fil-konfront tal-korp, jew awtoritajiet oħra.”
Il-Ministru Byron Camilleri qal ukoll li huwa kburi bil-forzi tal-ordni tagħna kollha u bil-ħaddiema kollha fis-servizz pubbliku, u li għalhekk ser ikompli jaħdem favur it-titjib kontinwu tal-kundizzjonijiet tagħhom.
“Li hu żgur li s-sodisfazzjon tiegħi żgur mhux se jkun meta persuna jeħel iktar ħabs jew multi ogħla. Is-sodisfazzjon tiegħi se jkun meta nkunu wasalna fil-punt li inċident ma jsirx u ma jkunx meħtieġ nużaw dak li qed inħabbru llum. Nifhem li ngħixu f’dinja. U nifhem li dejjem se jibqgħu jinqalgħu ċirkostanzi li ma rridux. Imma kull każ li nipprevjenu jkun l-aqwa riżultat li jista’ jkollna.”
L-emendi legali mressqa mill-gvern huma kif ġej:
• Meta l-offiża hija ta’ inġurju, theddid jew offiża fuq il-persuna, il-multa minima ser tiżdied minn €800 għal €1,200. Il-multa massima ser tiżdied minn €5,000 għal €7,500.
• Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza jsir minn persuna jew minn żewġ persuni, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ sitt xhur għal minimu ta’ sena u minn massimu ta’ sentejn għal massimu ta’ erba’ snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €4,000 għal €6,000 u dik massima ser tiżdied minn €10,000 għal €15,000.
• Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza ssir minn tliet persuni jew aktar, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ disa’ xhur għal minimu ta’ sena u nofs u minn massimu ta’ tliet snin għal massimu ta’ sitt snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €5,000 għal €7,500 u dik massima ser tiżdied minn €15,000 għal €22,500.
• Meta fl-attakk jew ir-reżistenza tintuża arma, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ sena għal minimu ta’ sena u nofs u minn massimu ta’ erba’ snin għal massimu ta’ sitt snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €8,000 għal €12,000 u dik massima ser tiżdied minn €20,000 għal €30,000.
• Meta dawn l-offiżi, jinkludu vjolenza pubblika, il-piena ta’ priġunerija ser tiżdied minn minimu ta’ sentejn għal minimu ta’ tliet snin u minn massimu ta’ ħames snin għal massimu ta’ seba’ snin filwaqt li ser nintroduċu wkoll il-multi, b’dik minima ser tkun ta’ €10,000 u dik massima ta’ €25,000.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN