STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, L-INTRAPRIŻA U PROĠETTI STRATEĠIĊI Numru ta’ riċerkaturi u start-ups jingħataw fondi biex inkomplu ninvestu fl-innovazzjoni u r-riċerka
Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, b’kollaborazzjoni mal-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) u l-Università ta’ Malta, allokaw €150,000 permezz tat-TAKEOFF Seed Fund bħala għajnuna lil start-ups u akkademiċi, biex jgħinuhom fir-riċerka u fit-twaqqif ta’ start-up li jispeċjalizzaw fl-Intelliġenza Artifiċjali.
L-għotjiet ivarjaw minn €2,500 sa €25,000, għal kull proġett. Dawn huma proġetti li se jkomplu jmexxu ’l quddiem il-politika ta’ pajjiżna għall-ekonomija innovattiva u jsaħħu l-impenn tal-pajjiż li jrawwem it-tkabbir f’setturi avvanzati. Din l-inizjattiva hija mfassla biex tiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ideat innovattivi u tavvanza r-riċerka meħtieġa biex jinġiebu fis-suq.
Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri enfasizza l-impenn tal-Gvern biex irawwem l-innovazzjoni, partikolarment fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali. “Dawn il-fondi mhumiex biss investiment fik u l-proġett tiegħek, iżda f’pajjiżna biex inkomplu navvanzaw f’teknoloġiċi avvanzati. Permezz ta’ inizjattivi bħat-TAKEOFF Seed Fund, u l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet f’dan il-każ l-MDIA u l-Università ta’ Malta, nassiguraw li Malta tibqa’ xempju ta’ progress u opportunità,” qal il-Ministru Schembri.
Huwa saħaq fuq il-bżonn li jrawwmu lill-istudenti u jdaħħlu fihom is-sens ta’ imprenditorija. “Irridu żgħażagħ li ma jibżgħux jiżviluppaw l-ideat tagħhom u joħolqu start-up. Huwa dan l-għan tal-Istart-Up Festival u TechXpo. Għal dan il-għan is-sena li għaddiet nedejna wkoll il-Venture Capital Fund, biex b’mod konkret ngħinu l-finanzjament għat-twettiq ta’ idea,” qal il-Ministru Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MDIA, Kenneth Brincat enfasizza li “meta nħarsu lura lejn il-proġetti li ġew iffinanzjati fis-snin li għaddew, naraw startups li kibru f’negozji sostenibbli, u r-riċerka tagħhom evolviet f’skoperti rivoluzzjonarji. Importanti wkoll li nisħaq li dan mhux sempliċiment finanzjament imma huwa sinjal ta’ fiduċja lejn il-potenzjal tal-innovaturi u r-riċerkaturi, lejn it-tkabbir tal-innovazzjonijiet u ideat tagħhom.”
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, ikkummenta dwar l-isfidi li jistgħu ikunu preżenti meta individwu jew grupp ta' nies jippruvaw iwettqu l-viżjoni tagħhom, triq li spiss tkun mimlija b’diffikultajiet u inċertezzi, iżda waħda li tgħallem l-importanza tad-determinazzjoni bla waqfien u ta’ dedikazzjoni soda. “Aħna grati lejn l-appoġġ li rċevejna mill-Ministeru u l-MDIA, għax din l-għajnuna tippermetti proġetti ta’ kalibru għoli jilħqu udjenza xierqa. Għalhekk din hija opportunità ferm siewja għal riċerkaturi u imprendituri mill-Università,” qal Prof. Vella.
It-TAKEOFF Seed Fund Award jifforma parti mill-inizjattivi tal-Ministeru biex jippromwovi l-innovazzjoni, hekk kif qed jiddedikaw dan ix-xahar għall-innovazzjoni.
Bħala parti mix-xahar iddedikat għall-innovazzjoni, aktar tard din il-ġimgħa se jittellgħu l-iStartUp Festival u TechXpo fl-MFCC bejn is-17 u 19 ta’ Ottubru, Playcon bejn l-24 u s-27 ta’ Ottubru fl-MFCC ukoll, u l-Global Innovation Forum fil-Belt Valletta bejn it-28 u t-30 ta’ Ottubru.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN