STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Inawgurat Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani fil-Belt Valletta
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, laħqu ftehim biex is-swali ewlenin tal-kunsill stess jibdew jintużaw bħala Ċentru ta' Matul il-Jum għall-anzjani. Mil-lum stess, dan iċ-ċentru beda jilqa' fih l-anzjani, fejn jistgħu jieħdu sehem f'attivitajiet varji u jgawdu minn ambjent soċjali u edukattiv. Biż-żieda ta' dan iċ-ċentru, il-lokalitajiet li joffru Ċentri tal-Anzjanità Attiva laħqu total ta' 32, b'total ta' 2,451 membru li jattendu f'dawn il-lokalitajiet.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim u l-ftuħ uffiċjali taċ-ċentru kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo Degabriele, kif ukoll is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf Mckay. Huma faħħru lill-anzjani preżenti għal parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-komunità u l-importanza li dawn is-servizzi jgħinuhom jibqgħu attivi, kuntenti u f'saħħithom.
Waqt l-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea stqarr li l-ftuħ ta' dan iċ-ċentru fil-Belt Valletta jirrifletti l-impenn kontinwu tal-gvern biex jinvesti fis-saħħa u l-benesseri tal-anzjani. “Il-ftuħ ta' aktar ċentri bħal dan huwa parti minn strateġija wiesgħa biex inkomplu naħdmu għall-benefiċċju tal-anzjani tagħna. Dawn is-servizzi se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, u jgħinuhom jibqgħu attivi u kuntenti. Irridu nassiguraw li l-anzjani jibqgħu jagħtu sehemhom fil-komunità," żied jgħid is-segretarju parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli faħħret din l-inizjattiva li ħa l-Kunsill Lokali tal-Belt li permezz tagħha se jkun hemm l-ewwel Ċentru ta' Matul il-Jum fil-Belt Valletta stess. “Bħala gvern ilkoll nemmnu fl-inklużjoni tal-anzjani fis-soċjetà tagħna. Nawgura li dan iċ-ċentru li beda jopera llum stess, ikompli jissaħħaħ u jiġi attrezzat sabiex l-anzjani tagħna jkunu jistgħu jqattgħu ftit ħin ta' kwalità fil-kumpanija ta' xulxin u fl-attivitajiet li jkollhom," temmet tgħid is-segretarju parlamentari.
Renzo Degabriele, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), enfasizza l-irwol ċentrali tal-AACC fil-ħolqien ta' aktar servizzi mmirati lejn it-titjib tal-ħajja tal-anzjani. Huwa tkellem dwar kif dan iċ-ċentru huwa parti minn strateġija usa' li l-AACC qed twettaq biex iżżid iktar opportunitajiet soċjali u edukattivi għall-anzjani.
Is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf Mckay enfasizza li kif kien imwiegħed qed jinfetaħ dan iċ-ċentru ġdid fil-qalba tal-Belt. Huwa saħaq li dan huwa pass importanti biex l-anzjani tal-lokalità jkollhom post fejn jistgħu jibqgħu attivi fi ħdan il-komunità. Is-Sur Mckay żied jgħid li ċentru bħal dan se jkun pilastru importanti fil-ħajja soċjali tal-anzjani u qed jikkontribwixxi biex il-Belt Valletta tkompli tkun komunità li tħaddan lill-membri kollha tagħha, minn żgħar għal kbar.
Iċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva fil-Belt Valletta se jkun miftuħ kull nhar ta' Tnejn, mis-7:00am sat-3:15pm, fejn l-anzjani se jkollhom l-opportunità li jgawdu minn programm ta' attivitajiet edukattivi u soċjali mfassla apposta biex iħeġġu l-parteċipazzjoni u l-interazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN