STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI Jitniedu ‘Mazz Vari’ – sett ta’ karti divertenti li juru l-istatwi tal-festi tradizzjonali f’Malta u l-ktieb ‘Irranġajtni għall-Festi’
Il-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli f’laqgħa mat-tfal f’taħdita dwar il-festi Maltin
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ltaqgħu ma’ diversi tfal waqt taħdita dwar il-festi Maltin. F’din l-okkażjoni ppreżentata minn Ramires Sciberras ġiet imnedija l-logħba ‘Mazz Vari’, sett ta’ karti divertenti li juri l-istatwi tal-festi tradizzjonali f’Malta u tnieda wkoll il-ktieb ‘Irranġajtni għall-Festi’ ta’ Simon Bartolo bħala parti miċ-ċelebrazzjoni speċjali ta’ attività nhar id-19 ta’ Ottubru, “Fuq il-Festa”. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jgħaqqdu t-tfal mal-kultura Maltija fi spirtu ta’ festi u tradizzjonijiet hekk kif il-festa Maltija saret wirt intanġibbli tal-UNESCO.
Il-proġett ‘Mazz Vari’ joffri ġabra unika ta’ karti divertenti mfassla apposta biex ifakkru l-istatwi ikoniċi li jintużaw fil-festi Maltin, u jagħtu opportunità lil kulħadd, kemm tfal kif ukoll kbar, biex jiskopru aktar dwar dan il-patrimonju kulturali tagħna. Dawn il-karti, magħrufa wkoll bħala comparison cards jew trump cards bl-Ingliż, huma illustrati b'mod sabiħ mill-artist Iella u jinkludu dettalji dwar kull vara, bħas-sengħa tal-għamla, il-materjal, l-ammont ta’ personaġġi fil-vara, u aktar. Kull karta hija maħsuba biex turi l-importanza u s-sbuħija ta’ element kruċjali fil-kultura tal-festi f’Malta. Dan il-proġett kien possibbli grazzi għall-kunċett artistiku tad-direttur kreattiv Sean Buhagiar u għar-riċerka u l-kompilazzjoni ta’ Noel D’Amato u l-artista Iella. Il-proġett ġie ffinanzjat mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Il-ktieb ‘Irranġajtni għall-Festi’ huwa illustrat minn William Calleja. Dan il-ktieb jiġbor fih il-ferħ tal-festi tradizzjonali Maltin, u jesplora b’mod kreattiv il-kultura u l-valuri li jagħmlu dawn l-avvenimenti speċjali. L-istorja tippreżenta narrattiva friska, b’karattri li jirriflettu l-entużjażmu popolari għall-festi Maltin, filwaqt li l-illustrazzjonijiet ta' Calleja jagħtu ħajja lil dawn il-mumenti b’mod artistiku. Dan il-ktieb ġie ffinanzjat mid-Direttorat tal-Kultura.
Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-importanza tar-rikonoxximent tal-UNESCO u r-responsabbiltà li ġġib magħha. Spjega kif il-festi tagħna m'għadhomx biss tradizzjonijiet lokali iżda issa huma parti mill-wirt kulturali kondiviż tad-dinja. Saħaq li dan ir-rikonoxximent jeħtieġ li nkomplu niċċelebrawh, nippreservawh u nippromwovuh b’mod li dawn it-tradizzjonijiet jonoraw is-sinifikat kulturali profond tagħhom. Il-ministru spjega wkoll pjanijiet għall-futur tal-festi ta’ Malta, inklużi inizjattivi biex jappoġġjaw it-tkabbir tagħhom u l-espożizzjoni internazzjonali tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli spjegat kemm huwa importanti li ninvolvu lit-tfal fil-festi Maltin sabiex ikunu huma li jkomplu jwasslu t-tradizzjonijiet Maltin u l-kultura tagħna minn ġenerazzjoni għal oħra. “Inħeġġeġ lill-ġenituri biex flimkien mat-tfal, fid-19 ta' Ottubru ningħaqdu lkoll għal ċelebrazzjoni tal-wirt kulturali tagħna,” qalet is-segretarju parlamentari.
L-attività’ ‘Fuq il-Festa’ se ssir fid-19 ta’ Ottubru fi Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta u se tkun ġurnata ta’ ċelebrazzjoni mill-isbaħ. Se ssir quddiesa solenni fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fejn Mons. Pawl Vella ser jagħmel omelija speċjali li tiċċelebra l-importanza kulturali u reliġjuża tal-festa. Issegwi mbagħad prestazzjoni spettakolari tal-mass band immexxija minn Mro Jonathan Vella, b’mijiet ta’ mużiċisti jdoqqu l-aktar marċi emblematiċi tal-festa ta’ Malta, flimkien mat-tnedija ta’ marċ ġdid magħmul minn Ray Sciberras biex ifakkar ir-rikonoxximent tal-UNESCO. Se jkun hemm ukoll workshops interattivi għat-tfal u l-familji, inklużi snajja’ tradizzjonali bħal liedna, fustuni, u pavaljuni kif ukoll dimostrazzjoni speċjali ta’ kif isir il-qubbajt. Ma’ dawn se jiżżewwaq spettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat bid-daqq tal-innu nazzjonali Malti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN