Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI

pr241654
Date Icon 12/10/2024

Il-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, jinsisti fuq l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ f’kull livell ta’ ħidma nazzjonali, u dan huwa rikonoxxut b’mod ċar fil-Malta National Youth Policy 2030, li tpoġġi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-qalba tal-viżjoni tal-gvern. Kull attività organizzata taħt il-kappa tal-gvern għandha l-għan li tinvolvi lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar u toffri pjattaformi fejn jistgħu jesprimu l-ideat tagħhom.

Aġenzija Żgħażagħ dejjem ħadmet b’mod trasparenti, inklużiv u maħsub biex tkun parti integrali mill-iżvilupp taż-żgħażagħ f’Malta u Għawdex. B’kollaborazzjoni mal-entitajiet pubbliċi u privati kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-Aġenzija Żgħażagħ tibqa’ impenjata li tagħti appoġġ lil kull żagħżugħ u żagħżugħa, irrispettivament mill-orjentazzjoni jew affiljazzjoni tagħhom.

L-allegazzjonijiet li qed isiru mill-Oppożizzjoni dwar nuqqas ta’ spazju għall-involviment ta’ entitajiet politiċi f’attivitajiet relatati maż-żgħażagħ mhumiex fondati. L-Aġenzija Żgħażagħ ilha żżomm ruħha indipendenti mill-partiġġjaniżmu, u dejjem fasslet l-attivitajiet tagħha biex jirrispondu għall-bżonnijiet taż-żgħażagħ kollha, billi toffri opportunitajiet ta’ vuċi għal kulħadd, mingħajr distinzjoni jew esklużjoni.

Din l-attitudni hija riflessa fir-relazzjoni kostanti ta’ Aġenzija Żgħażagħ ma’ entitajiet bħall-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ), fejn l-appoġġ kontinwu tal-Aġenzija lejn l-involviment tal-KNŻ hu testment tal-kollaborazzjoni għat-tisħiħ tal-vuċi taż-żgħażagħ. Dan is-sostenn ikun rifless f’laqgħat regolari bejn l-Aġenzija u l-KNŻ biex jiġu diskussi ideat u inizjattivi ġodda li jkomplu jagħtu spinta lill-involviment taż-żgħażagħ.

Dan l-impenn lejn il-kollaborazzjoni ma’ jieqafx hawn. Din il-ġimgħa stess, il-maniġment tal-Aġenzija Żgħażagħ iltaqa’ mal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) biex jiġu diskussi strateġiji ġodda li jistgħu isaħħu l-appoġġ u l-opportunitajiet għall-istudenti universitarji. L-għan ewlieni huwa li nkomplu nsibu modi kif nistgħu nsaħħu dawn l-organizzazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu joffru aktar appoġġ u emanċipazzjoni liż-żgħażagħ f’kull qasam tal-ħajja tagħhom.

Aktar minn hekk, il-proġetti organizzati mill-Aġenzija, bħal l-Jumpstart Youth Festival, il-Youth Empowerment Award, u kampanji oħra bħal “Give a Damn, Go Vote”, huma mfassla biex jiżguraw li kull żagħżugħ u żagħżugħa jkollhom opportunitajiet indaqs biex jipparteċipaw, irrispettivament mill-fehmiet politiċi tagħhom. Is-Segretarjat jemmen bis-sħiħ li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw is-saħħa u l-appoġġ neċessarju sabiex jesprimu lilhom infushom u jagħmlu s-sehem tagħhom fil-bini tal-futur ta’ pajjiżna.

F’dan il-kuntest, wieħed jista’ jikkonferma li l-Oppożizzjoni dejjem tkun mistiedna fil-programm “Ejjew Niddibattu”. Dan il-programm, li l-fażi finali tiegħu ssir fil-Parlament, jinvolvi li ż-żewġ naħat tal-Kamra jisimgħu liż-żgħażagħ u jidħlu f’djalogu magħhom. Għalhekk, il-kollaborazzjoni dwar l-iżvilupp taż-żgħażagħ dejjem kienet ċara u preżenti, u l-gvern baqa’ miftuħ għal rispons attiv u ideat ġodda f’dan il-qasam. 

Fi spirtu ta’ kollaborazzjoni, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ser jibqa’ miftuħ għal suġġerimenti u ideat ġodda li jistgħu jtejbu l-ħidma lejn iż-żgħażagħ. Hu impenjat li jkompli jaħdem b’mod serju, inklużiv u responsabbli mal-imsieħba soċjali kollha sabiex jiżgura li l-opportunitajiet għall-involviment u l-emanċipazzjoni taż-żgħażagħpa Maltin jkomplu jikbru u jissaħħu.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow