STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI U L-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI Jitnieda programm edukattiv ġdid għall-istudenti tal-iskejjel fil-Mużew Marittimu ta’ Malta
Ġie mħabbar programm edukattiv innovattiv għall-istudenti, li jinkludi trasport b'xejn, bħala parti mill-wirja 'An Island at the Crossroads' li għaddejja bħalissa fil-Mużew Marittimu ta' Malta fil-Birgu.
Dan il-programm joffri esperjenzi sal-aħħar ta' din is-sena, huwa miftuħ għal studenti tal-Year 7 sal-Year 11, u huwa appoġġjat mill-Għotjiet taż-Żona Ekonomika Ewropea (l-EEA) u tan-Norveġja 2014–2021. Il-programm joffri esplorazzjoni interattiva tal-istorja marittima strateġika ta' Malta filwaqt li jippromwovi kuxjenza kritika dwar l-isfidi ambjentali kontemporanji.
Il-programm edukattiv jinkludi żewġ workshops tematiċi: il-programm Clean Oceans, li jiffoka fuq is-suġġett vitali tal-konservazzjoni tal-oċeani permezz ta' esperimenti interattivi u dimostrazzjonijiet, u l-programm tal-Istorja li jiffoka fuq il-Battalja ikonika ta' Lepanto u jiffamiljarizza lill-istudenti ma' Pietro Zelalich, kursar leġġendarju Malti. B'hekk jipprovdi esperjenza immersiva li tgħaqqad l-istorja, l-istudji ambjentali, u x-xjenza applikata.
L-inizjattiva Clean Oceans, li sservi bħala l-pedament tal-programm, hija riżultat ta' sħubija li tinsab għaddejja bejn Heritage Malta u l-Mużew Marittimu ta' Stavanger tan-Norveġja, iffinanzjat mill-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja. Il-kollaborazzjoni wasslet għal sforzi mill-aktar avvanzati biex jiġi rreġistrat u ppreservat il-wirt marittimu ta' Malta filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi dejjem akbar ikkawżati mit-tniġġis u t-tibdil fil-klima.
Dr Owen Bonnici, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, esprima l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva. “Din l-inizjattiva mhux biss tarrikkixxi l-għarfien tal-istudenti tagħna dwar l-istorja marittima għanja ta' Malta iżda tindirizza wkoll waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti ta' żmienna – it-tniġġis tal-ibħra. Infaħħar lil Heritage Malta talli mexxiet sforzi edukattivi innovattivi bħal dawn," sostna l-Ministru.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar l-importanza li qed tingħata fl-iskejjel biex l-edukazzjoni tkun waħda sħiħa li anki permezz ta' attivitajiet u opportunitajiet, bħalma tħabbar illum, tmur ukoll lil hinn mill-kurrikulu. “Apparti l-lezzjonijiet tal-Istorja u dwar l-importanza li nħarsu l-ambjent, hemm diversi metodi oħrajn li permezz tagħhom qed inrawmu l-imħabba u l-importanza tal-wirt ta' pajjiżna. L-edukazzjoni hija l-proċess li tiffaċilita t-tagħlim, l-akkwist ta' għarfien, ta' ħiliet, ta' valuri, apparti li wkoll tgħin fil-formazzjoni tal-persuna, u wkoll tagħti bażi tajba għal dak kollu li persuna jiltaqa' magħha fil-ħajja ta' kuljum," qal il-Ministru Grima.
Il-Ministru Grima fisser kif fl-edukazzjoni li nagħtu fl-iskejjel tagħna tingħata importanza wkoll liż-żamma tal-ambjent – mhux biss ta' madwarna, imma wkoll dak tal-baħar. Dan isir permezz tal-programm Eko-Skola, mifrux mal-parti l-kbira tal-iskejjel tagħna u wkoll permezz ta' tagħlim ieħor. “Imma anki f'dak li qed inħabbru llum, qed naraw inizjattiva li tindirizza wkoll waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti ta' żmienna – it-tniġġis tal-oċeani. Huwa għalhekk li nħeġġeġ lill-istudenti flimkien mal-edukaturi tagħhom biex jipparteċipaw ħalli jkunu aktar infurmati dwar dawn iż-żewġ suġġetti," qal il-Ministru Clifton Grima.
Vanessa Ciantar, Assistant Manager għall-Edukazzjoni u Avvenimenti Tematiċi fi ħdan Heritage Malta, spjegat li, “Din il-wirja u l-programm edukattiv jenfasizzaw kif l-istorja ta' Malta u l-ambjent marittimu tagħha huma marbutin ma' xulxin. Billi ngħaqqdu l-istorja max-xjenza ambjentali, qed nipprovdu lill-istudenti fehim ħolistiku tal-passat u l-futur ta' gżiritna."
Il-programm, li se jittella' f'Ottubru, Novembru, u Diċembru tal-2024, huwa integrat bis-sħiħ fil-kurrikulu edukattiv nazzjonali, u għandu l-għan li jappoġġja t-tagħlim ta' suġġetti bħall-ġeografija, l-istorja, u l-istudji soċjali. Il-programm huwa magħmul aktar aċċessibbli permezz ta' trasport b'xejn ipprovdut minn Heritage Malta għall-iskejjel parteċipanti kollha.
Il-programm se jospita sa 50 student f'kull sessjoni, li jiġu maqsuma f'żewġ gruppi biex jesperjenzaw iż-żewġ workshops. L-edukaturi jistgħu jibbukkjaw is-sessjonijiet permezz tas-sistema ta' Heritage Malta ddedikata għall-prenotazzjoni għall-iskejjel: https://schoolbooking.heritagemalta.mt/malta-maritime-museum.
Għal aktar tagħrif tista' żżur is-sit ta' Heritage Malta u l-paġni tal-midja soċjali tagħha jew tikkuntattja lill-Mużew Marittimu ta' Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN