STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Messaġġ b’saħħtu favur il-vittmi ta’ dawk li jabbużaw mil-libertà tal-espressjoni
Fid-diskors tiegħu waqt Forum dwar il-Media u l-Informazzjoni, organizzat fil-Parlament mill-membri tal-Oppożizzjoni, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Dr Jonathan Attard tkellem dwar l-impenn tal-Gvern mhux biss li jipparteċipa fid-diskussjonijiet fuq livell Ewropew dwar id-direttiva anti-SLAPP, imma wkoll l-appelli li għamel biex wasalna għal test ambizzjuż.
Qal li dan l-impenn kien rifless fil-fatt li Malta kienet l-ewwel stat membru li ttraspona d-direttiva fil-liġijiet tiegħu u issa li dan il-pass sar nistgħu nerġgħu niffukaw fuq l-abbozzi ta' liġijiet li l-Gvern fil-bidu ta' din il-legiżlatura ressaq quddiem il-Parlament Malti, biex joffru aktar protezzjoni lill-media, u li twaqqfu fuq il-premessa li għandha ssir aktar konsultazzjoni. Dawn l-abbozzi kienu jikkonsolidaw ir-rakkomandazzjonijiet li kienu saru minn grupp ta' esperti maħtura fuq rakkomandazzjoni tal-inkjesta pubblika marbuta mal-qtil deplorabbli ta' Daphne Caruana Galizia.
Huwa nnota però li sadanittant hemm min, inkluż professjonisti legali, li qed jistaqsu dwar l-inadegwatezza tar-rimedju tal-libell Ċivili u anke dwar il-limitu tad-danni, li kien stabbilit 28 sena ilu. “Jekk għandi dispjaċir wieħed, huwa dak li għadna m'aġixxejniex b'mod b'saħħtu biex nipproteġu lill-vittmi ta' dawk li jabbużaw mil-libertà tal-espressjoni. Dawk iż-żgħażagħ li qed ikunu suġġetti għal kull tip ta' żebliħ fuq l-internet, f'perjodu li jaf jimmarkalhom ħajjithom għal għomorhom," sostna l-Ministru Attard.
Saħaq li jekk id-diskussjoni rriduha tkun imnebbħa mis-sewwa u mill-ġustizzja trid tkun rappreżentattiva tas-soċjetà kollha u li rridu nkunu konxji mir-realtajiet ta' vittmi, ta' dawk li bla diċenza l-unika skop tagħhom, huwa li jkissru l-individwu. “Iva, fadal ħafna xi jsir u determinati li bħala Gvern inkomplu nkunu pijunieri ta' aktar riformi fl-iżvilupp demokratiku ta' pajjiżna," temm jgħid il-Ministru Attard.
Dan filwaqt li appella biex Forums ta' dan it-tip fil-Parlament, li għandhom jiġu organizzati mill-Uffiċċju tal-Ispeaker, tassew ikunu rappreżentattivi tas-soċjetà kollha.
Il-forum kien indirizzat mill-Ispeaker tal-Kamra, Dr Anġlu Farrugia, membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni u diversi nies b'interess fis-settur.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN