STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Jittella’ l-Malta Maritime Summit bit-tema ‘The Voice of the Industry’
“Is-sostenibbiltà mhijiex sempliċiment l-ambjent. Irridu niżguraw li s-settur marittimu f'Malta jibqa' reżiljenti, kompetittiv u mgħammar biex ilaħħaq mar-responsabbiltajiet u l-obbligazzjonijiet f'industrija li kulma tmur dejjem qed tkompli tevolvi." Qal dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett waqt li kien qed jindirizza l-Malta Maritime Summit bit-tema 'The Voice of the Industry'.
Il-ministru enfasizza li dan is-summit jixhed il-fiduċja li għandhom l-aqwa partijiet ikkonċernati u operaturi barranin biex jinvestu f'pajjiżna. Statistikament, pajjiżna kklassifika fl-ewwel post f'dan is-settur fl-UE u s-sitt post minn madwar id-dinja kollha.
F'diskussjoni li saret ma' esperti internazzjonali fl-istess summit, ġie nnutat kif it-tibdil fil-klima mhux biss qed titfa' pressjoni fl-interkonnettività globali tal-industrija marittima iżda teħtieġ ukoll azzjoni immedjata biex tissalvagwardja s-sostenibbiltà ekonomika u soċjali. Pajjiżna qed jimpjega wkoll 20,000 persuna f'settur li qed ikompli jikber u jżid l-importanza mhux biss fuq livell nazzjonali iżda anke Ewropew.
“Min-naħa tagħna, bħala gvern se nkomplu naħdmu għal soluzzjonijiet leġiżlattivi effiċjenti fis-settur billi nippremjaw lil min jagħmel użu bl-ekonomija l-ħadra f'din it-transizzjoni ekoloġika li qed twassal għal ħolqien ta' opportunitajiet ġodda fl-innovazzjoni, riċerka u aktar opportunitajiet ta' xogħol fis-settur marittimu li kulma jmur qed isir iżjed importanti," afferma mill-ġdid il-Ministru Chris Bonett.
Huwa temm jgħid li sabiex jintlaħaq dan l-għan, fiż-żmien li ġej pajjiżna se jkun qed jimbarka għal miżuri ambizzjużi iżda prattiċi li jibbilanċjaw il-vijabilità ekonomika tas-settur.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN