STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Imnedija l-ewwel edizzjoni tal-‘Excellence in Construction Awards’
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard attenda għat-tnedija tal-'Excellence in Construction Awards', inizjattiva li se tkun qed tirrikonoxxi lil dawk li qed jiddistingwu ruħhom fis-servizz li qed joffru f'dan is-settur.
“Din l-inizjattiva hija aktar minn sempliċi programm ta' premjijiet; huwa impenn biex tirrikonoxxi l-eċċellenza, titrawwem il-kollaborazzjoni, u tispira ġenerazzjonijiet futuri fis-settur tal-kostruzzjoni", beda biex jgħid il-Ministru Jonathan Attard filwaqt li sostna li l-kwalità, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà jistgħu jwassluna għal bidla sinifikanti fis-settur.
Il-Ministru Attard kompla biex jirrikonoxxi l-impenn ta' QP ta' din l-inizjattiva li tkompli tippromwovi dak li bħala ministeru jaħdem għalih ta' kuljum flimkien mad-diversi entitajiet involuti – standards ogħla fis-settur.
Il-Ministru Attard żied jgħid li l-Gvern huwa kommess li jkompli joffri l-għodod kollha possibbli biex dawk ta' rieda tajba jimirħu u jaħdmu f'qafas b'saħħtu li jippromovi dan is-settur. Fl-istess waqt huwa saħaq dwar ir-rispett lejn iċ-ċittadini u għalhekk għaddejja ħidma biex l-awtoritajiet jibqa' jkollhom idejn sodi ma' dawk li jibqgħu ma jaderixxux ma' prattiċi tajbin.
Tkellem ukoll dwar il-ħidma tal-gvern li għaddejja fuq diversi binarji fosthom bl-aġġornament ta' liġijiet u regolamentazzjonijiet li jeħtieġu jiġu riveduti; bl-introduzzjoni ta' regolamentazzjonijiet u liġijiet, f'oqsma li qatt ma kien regolati u assistenza aktar effettiva lit-terzi persuni affettwati mill-kostruzzjoni.
“Il-kostruzzjoni mhix biss dwar bini; hija l-komunitajiet tagħna, u l-ambjent li nħallu warajna. Inħeġġeġ lil dawk li se jiġu eventwalment rikonoxxuti f'dawn l-awards, biex ikomplu jaħdmu b'passjoni u b'dedikazzjoni, u biex ikunu mudelli ta' ispirazzjoni għal oħrajn", temm jgħid il-Ministru Attard.
Min-naħa tiegħu, il-Perit Nathan Vella minn QP ta deskrizzjoni dettaljata ta' mnejn nibtet din l-idea u fost l-oħrajn kif tfasslu d-diversi kategoriji li fi kliemu stess mhumiex se jippremjaw il-binja minn barra, iżda evalwazzjoni sħiħa minn professjonisti barranin li se jkunu qegħdin jagħrblu l-kwalitajiet fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-kategoriji li se jkunu qegħdin jiġu ppremjati jinkludu:
- Dedikazzjoni għas-Sostenibbiltà
- Kwalità u Sengħa
- Taħriġ u Żvilupp
- Impenn għall-Benesseri, is-Saħħa u s-Sigurtà
- Innovazzjoni, Riċerka u Żvilupp
- Għall-Eċċellenza fix-Xogħlijiet ta' Demolizzjoni u Skavar
- Għall-Eċċellenza fl-Infrastruttura u Xogħlijiet Ċivili
- Għall-Eċċellenza fl-Installazzjonijiet Mekkaniċi u Elettriċi
- Għall-Eċċellenza fix-Xogħlijiet ta' Rfinar
- Għall-Kontribuzzjoni ta' Konservazzjoni fl-Industrija Tal-Kostruzzjoni
- Għall-Aktar Kuntrattur Professjonali u Rispettuż
- Kuntrattur tas-Sena
Għal din it-tnedija attendew ukoll kapijiet u rappreżentanti tad-diversi entitajiet u awtoritajiet li se jkunu qegħdin jikkontribwixxu f'din l-attività fosthom mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, mill-Kamra għall-Immaniġġjar tal-Kostruzzjoni, mill-Assoċjazzjoni Bennejja u Kuntratturi, mill-Kamra tal-Inġiniera u mill-Malta Development Association.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN