STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI
Malta rnexxielha tilħaq tragward ġdid fis-settur tal-avjazzjoni, bin-numru ta' ajruplani fir-reġistru tal-avjazzjoni Malti jitla' għal aktar minn 900. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, f'indirizz tiegħu waqt il-Malta Aviation Conference Expo (MACE).
Il-Ministru Bonett spjega kif b'qafas leġislattiv robust u aktar flessibbli, Malta qed jirnexxilha tkompli tattira aktar investiment f'dan is-settur importanti għall-ekonomija. Huwa rrefera għal ċifri li juru kif f'għaxar snin, in-numru ta' ajruplani rreġistrati mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi Transport Malta, li hu r-regolatur tat-trasport bl-ajru fil-gżejjer Maltin, żdiedu b'135%. Fil-fatt, fl-2014, 174 ajruplan kienu jtajru l-bandiera Maltija u l-marka '9H', b'dan in-numru jitla' għal 907 din is-sena.
F'dan l-isfond, il-Ministru qal li matul is-snin, Malta rnexxielha tattira fost l-akbar ismijiet fl-industrija. “Fl-aħħar snin urejna x'nistgħu niksbu meta naħdmu flimkien: Easyjet, Ryanair, Wizz Air, Lufthansa, m'għażluniex biss għax konna għażla konvenjenti imma għażlu lil Malta għaliex jafdaw kif naħdmu."
Fl-istess waqt, il-Ministru qal li Malta tħaddem il-flessibiltà li twitti t-triq għall-innovazzjoni u aktar tkabbir.
Il-Ministru rrikonoxxa wħud mill-isfidi pendenti f'dan il-qasam ewlieni fosthom in-nuqqas ta' riżorsa umana b'ħiliet tant imfittxija f'din l-industrija. Għal dan il-għan, saħaq li l-Gvern se jkun qed jaħdem biex ikompli joffri l-appoġġ tiegħu f'dan ir-rigward billi, fost oħrajn, joffri assistenza finanzjarja lill-istudenti u jħajjar ħaddiema rtirati jirritornaw fid-dinja tax-xogħol.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN