STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Iffirmat ftehim ġdid għall-proġett tal-iSchool Grannies bejn l-Anzjanità Attiva u l-Kunsilli Lokali
Ġie ffirmat ftehim ġdid ta' kollaborazzjoni bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) u ħames Kunsilli Lokali għall-proġett tal-iSchool Grannies fil-komunitajiet lokali. Il-lokalitajiet tal-Mellieħa, iż-Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ, in-Nadur u l-Qala issa se jkunu qed jingħaqdu mal-lokalitajiet ta' Bormla, ix-Xewkija u l-Kalkara, fejn kien diġà beda dan il-proġett. Dan il-ftehim se jkompli jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-anzjani fil-ħajja soċjali u se joffri appoġġ lit-tfal tal-iskejjel primarji f'Malta u Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, qal, “Dan il-proġett tal-iSchool Grannies qed juri kemm l-anzjani jistgħu jkomplu jikkontribwixxu fil-komunità. Inizjattivi bħal dawn juru li l-età m'għandhiex tkun limitazzjoni għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà u jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet." Huwa tenna kif din il-kollaborazzjoni se twassal għal aktar ħbiberija u għarfien bejn it-tfal u l-anzjani u hija opportunità unika biex l-anzjani jħossuhom apprezzati u parteċipattivi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha b'dan il-ftehim u saħqet dwar l-importanza li l-Kunsilli Lokali jkomplu joffru aktar servizzi lill-komunità. “Il-Kunsilli Lokali għandhom rwol kruċjali biex ikomplu jsaħħu l-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-soċjetà, u dan il-proġett tal-iSchool Grannies juri kemm jistgħu jagħmlu differenza," qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli. Hija ħeġġet ukoll lil aktar Kunsilli Lokali biex jingħaqdu ma' dawn it-8 Kunsilli li diġà qed jipparteċipaw f'din l-inizjattiva.
Renzo Degabriele, Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, irringrazzja lill-Kunsilli Lokali għall-kollaborazzjoni tagħhom u spjega kif il-proġett tal-iSchool Grannies diġà qed ikollu impatt pożittiv fuq il-komunitajiet fejn ġie mniedi.
S'issa, total ta' 17-il anzjan qed jipparteċipaw bħala School Grannies u qed jikkollaboraw ma' aktar minn 2,000 student, fejn dawn l-anzjani qed jagħmlu differenza fil-ħajja tat-tfal. L-iSchool Grannies mhux biss iservu ta' ħbieb għat-tfal fil-ħin tad-dħul u l-ħruġ tagħhom mill-iskola iżda wkoll jipprovdu sens ta' appoġġ u sigurtà fil-komunità.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN