STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL Il-Gvern b’emendi legali biex iħarrax il-ġlieda fuq min jattakka uffiċjali pubbliċi
• Titneħħa l-possibbiltà ta' sentenza sospiża u ta' libertà kundizzjonata
• Jiżdiedu l-pieni ta' ħabs
• Jiżdiedu l-multi
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, ippreżenta emendi legali li ser ikunu qegħdin iħarrxu l-ġlieda fuq min jattakka uffiċjali pubbliċi.
Emendi li ser ifissru li filwaqt li tkun il-Qorti li tiddeċiedi l-kastig xi jkun, fil-parametri tal-liġi, sentenza sospiża u libertà kundizzjonata mhux ser ikunu għażla. Dan filwaqt li ser jiżdiedu l-pieni ta' ħabs u l-multi għal min iwettaq vjolenza fuq il-Korpi Dixxiplinati u uffiċjali pubbliċi.
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Byron Camilleri tenna li “fl-aħħar seba' snin rajna kif il-vjolenza fuq il-Pulizija, anke għaliex investejna fihom, fir-riżorsi li jużaw, naqset b'67%. Stajna fl-aħħar jiem ikkundannajna li ġara fil-Ħamrun u waqafna hemm. Stajna għedna li ħidmitna qed tħalli l-frott, għax in-numri hekk juru u każ iżolat m'għandu jbiddel xejn. Nemmen differenti. Għax anke jekk jifdal każ wieħed ta' uffiċjal li ħareġ iwettaq dmiru u safa aggredit, għalina ma jkunx aċċettabbli."
Fisser dawn l-emendi legali bħala sinjal ċar favur il-ħidma tal-forzi tal-ordni, favur id-dixxiplina, u li jingħaqdu mal-investiment li għamel u qiegħed jagħmel dan il-Gvern fil-Forzi Dixxiplinati. Fosthom bi ftehim settorjali ġdid, li tejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, b'investiment fir-riżorsi, illum il-Pulizija fit-triq mhux biss għandu l-għodda kollha neċessarja imma għandu wkoll għodda li ma kellux qabel bħal body cams flimkien ma' aktar taħriġ u uniformijiet ġodda. B'dawn huma biss ftit mill-investimenti li saru fl-aħħar snin u li ser ikomplu jsiru fil-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega li l-emendi huma frott konsultazzjoni wiesgħa, inkluż mal-Pulizija nfushom u l-unions li jirrappreżentawhom.
L-emendi li ser inkunu qegħdin inressqu fil-Parlament nhar it-Tnejn huma kif ġej:
• Meta l-offiża hija ta' inġurju, theddid jew offiża fuq il-persuna, il-multa minima ser tiżdied minn €800 għal €1,200. Il-multa massima ser tiżdied minn €5,000 għal €7,500.
• Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza jsir minn persuna jew minn żewġ persuni, il-piena ta' priġunerija ser tiżdied minn minimu ta' sitt xhur għal minimu ta' sena u minn massimu ta' sentejn għal massimu ta' erba' snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €4,000 għal €6,000 u dik massima ser tiżdied minn €10,000 għal €15,000.
• Meta l-attakk jew ir-reżistenza bi vjolenza ssir minn tliet persuni jew aktar, il-piena ta' priġunerija ser tiżdied minn minimu ta' disa' xhur għal minimu ta' sena u nofs u minn massimu ta' tliet snin għal massimu ta' sitt snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €5,000 għal €7,500 u dik massima ser tiżdied minn €15,000 għal €22,500.
• Meta fl-attakk jew ir-reżistenza tintuża arma, il-piena ta' priġunerija ser tiżdied minn minimu ta' sena għal minimu ta' sena u nofs u minn massimu ta' erba' snin għal massimu ta' sitt snin filwaqt li l-multa minima ser tiżdied minn €8,000 għal €12,000 u dik massima ser tiżdied minn €20,000 għal €30,000.
• Meta dawn l-offiżi, jinkludu vjolenza pubblika, il-piena ta' priġunerija ser tiżdied minn minimu ta' sentejn għal minimu ta' tliet snin u minn massimu ta' ħames snin għal massimu ta' seba' snin filwaqt li ser nintroduċu wkoll il-multi, b'dik minima ser tkun ta' €10,000 u dik massima ta' €25,000.
Dawn l-emendi u l-ħidma li qed titwettaq f'dan is-settur hija dejjem favur il-ħaddiem, b'appoġġ lill-Forzi tal-Ordni, favur id-dixxiplina u r-rispett lejn l-uniformi.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN