STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN, IS-SIGURTÀ U X-XOGĦOL
Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol jagħmel referenza għal konferenza tal-aħbarijiet tal-Oppożizzjoni dwar il-preżenza tal-pulizija fil-komunitajiet.
Illum il-Korp tal-Pulizija għandu l-ikbar preżenza fit-toroq Maltin u Għawdxin grazzi għall-proġett tal-Pulizija tal-komunità li ra t-tisħiħ tal-preżenza tal-Pulizija qrib iċ-ċittadin. Ir-riċerka kollha turi li n-nies iridu Pulizija qrib tagħhom, fit-triq u mhux f'xi binja. Fil-fatt il-Pulizija tal-komunità żdied ma' dak li diġà kien hemm, jiġifieri mal-Pulizija tad-distrett. Bil-Pulizija tad-Distrett għandhom ukoll rwol importanti ħafna li ġie rikonoxxut fl-aħħar ftehim settorjali ffirmat għall-Pulizija.
B'referenza għall-għases imsemmija dalgħodu mill-kelliem tal-Oppożizzjoni, irid ikun iċċarat li l-għassa tal-Imsida, meqjusa bħala waħda kruċjali għaż-żona li tinsab fiha, inkluż il-Gżira, hija biss magħluqa temporanjament għax fuqha qed isir xogħol ta' rinovar kbir, biex il-pubbliku jinqeda aħjar. Dwar dan saret ukoll komunikazzjoni mal-Kunsill Lokali, u Pulizija ser ikun għas-servizz tal-pubbliku fiċ-Ċentru Ċiviku. Dan hu fatt magħruf għax il-Korp tal-Pulizija ħabbar dan, u hija ħasra li argumenti politiċi jiġu bbażati fuq nofs verità.
F'San Ġwann, ukoll għaddej ix-xogħol biex binja li għandu l-Korp tinfetaħ bħala uffiċċju għall-Pulizija tal-komunità, l-istess bħalma diġà hemm fis-Swieqi. Il-Ministeru għall-Intern ser ikompli jżid il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq u għal dan il-għan se jitħabbru iktar inizjattivi fil-ġimgħat li ġejjin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN