Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Ministru Attard jimmarka tragward importanti fir-Riforma tal-Ġustizzja waqt il-Konferenza Annwali tal-Proġetti f’Malta

pr241523
Date Icon 26/09/2024

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, indirizza konferenza li timmarka t-tlestija tal-ewwel sena tal-Proġett Konġunt bejn l-UE u l-KtE “Attorney General and State Advocate in Malta - Implementation of Action Plan of Offices Re-organisation". Din l-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ l-indipendenza operazzjonali tal-Avukat tal-Istat u tal-uffiċċji tal-Avukat Ġenerali wara s-separazzjoni tagħhom fl-2019, filwaqt li ssaħħaħ il-kapaċità tagħhom għal governanza effettiva u t-twettiq tal-ġustizzja.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard enfasizza s-sinifikat tal-proġett fil-promozzjoni tal-kontabbiltà, it-trasparenza, u l-indipendenza operazzjonali fis-sistema ġudizzjarja ta' Malta. “Hekk kif qed niċċelebraw il-kisbiet li għamilna matul l-ewwel sena ta' dan il-proġett, huwa essenzjali li nirriflettu dwar kif u għaliex beda dan il-vjaġġ," tenna l-Ministru, filwaqt li fakkar fir-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni ta' Venezja li wasslu għall-bidliet leġiżlattivi fl-2019.

Is-separazzjoni tar-rwoli tal-Avukat Ġenerali u tal-Avukat tal-Istat kienet mument kruċjali għal Malta, u dan għaliex l-Avukat tal-Istat ġie stabbilit bħala konsulent għall-gvern filwaqt li l-Avukat Ġenerali ġie ppożizzjonat bħala l-kap prosekutur. Din ir-riorganizzazzjoni mmarkat impenn biex tissaħħaħ l-indipendenza operattiva taż-żewġ uffiċċji, filwaqt li jiġi żgurat li jkunu jistgħu jaqdu lin-nazzjon bl-eċċellenza li jistħoqqlu.

Sa mill-bidu tal-proġett, il-gvern irċieva appoġġ konsistenti mid-DG-Reform, li kien strumentali fil-valutazzjoni tal-istat attwali tal-uffiċċji u fl-iżvilupp ta' pjan azzjonabbli għar-riġenerazzjoni operazzjonali tagħhom.

Il-konferenza kienet tinkludi indirizzi mis-Sinjura Nathalie Berger, Direttur tad-DG Reform fil-Kummissjoni Ewropea; Is-Sa Clare Ovey, Direttur tad-Direttorat Ġenerali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Istat tad-Dritt fil-Kunsill tal-Ewropa; Dr Victoria Buttigieg, Avukat Ġenerali; u Dr. Christopher Soler, Avukat tal-Istat, fost kelliema oħra. Il-parteċipazzjoni tagħhom enfasizzat l-isforzi kollaborattivi biex titmexxa 'l quddiem ir-riforma tal-ġustizzja f'Malta.

Matul l-avveniment, dawk li attendew ġew infurmati dwar id-diversi kisbiet li saru fis-sena preċedenti, inkluż il-ħolqien tad-Direttur tal-Istrateġija u l-Inizjattivi fiż-żewġ uffiċċji biex tiġi żgurata implimentazzjoni sostnuta tal-pjan ta' azzjoni. Il-gvern iffirma wkoll żewġ ftehimiet kollettivi ma' professjonisti legali, li jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tagħhom fis-sistema ġudizzjarja u jappoġġaw l-iżvilupp professjonali tagħhom.

Il-Ministru enfasizza wkoll l-isforzi li għaddejjin biex tiġi avvanzata t-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-ġustizzja. Il-pubblikazzjoni ta' offerta għal sistema ġdida ta' ġestjoni tal-informazzjoni għall-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati għandha l-għan li ssaħħaħ l-effiċjenza fil-funzjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji kollha. Is-sistemi futuri ta' ġestjoni tal-kawżi, kemm għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif ukoll għal dak tal-Avukat tal-Istat, se jkunu kompletament interoperabbli mas-sistemi tal-qrati, fejn se jissimplifikaw is-servizzi għall-professjonisti legali u jtejbu l-proċessi ġudizzjarji ġenerali.

Il-konferenza serviet bħala pjattaforma għall-kollaborazzjoni fost l-istituzzjonijiet ikkonċernati, filwaqt li rawmet diskussjonijiet dwar l-allinjament tal-għanijiet tal-proġett ma' inizjattivi li għaddejjin mill-awtoritajiet Maltin. Il-Ministru saħaq fuq l-importanza ta' taħriġ kontinwu u l-ħtieġa li jkomplu jiżdiedu l-kapaċitajiet fis-settur tal-ġustizzja, li jikkontribwixxu biex tissaħħaħ il-kontabbiltà u l-fiduċja tal-pubbliku.

Fi tmiem l-avveniment, il-Ministru Attard esprima fiduċja fl-isforzi kollettivi tal-partijiet interessati kollha involuti. “Filwaqt li niċċelebraw il-kisbiet tagħna, għad fadal ħafna xogħol biex niżguraw sistema ġudizzjarja tal-ogħla kalibru f'pajjiżna. Ninsab fiduċjuż li bl-esperjenza, bid-dedikazzjoni u bl-għarfien tagħkom ilkoll, se nkomplu għaddejjin fuq dan il-proċess ta' titjib kontinwu fis-sistema ġudizzjarja tagħna," temm jgħid il-Ministru.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Ministru Attard jimmarka tragward importanti fir-Riforma tal-Ġustizzja waqt il-Konferenza Annwali tal-Proġetti f’Malta
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow