STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Tibda l-ħidma għat-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Settur tat-Trasport Marittimu
Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi beda l-ħidma għat-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Settur tat-Trasport Marittimu, li hija wkoll miżura tal-Budget 2024.
Il-pożizzjoni strateġika ta’ pajjiżna f’nofs il-baħar Mediterran waslet biex mal-medda tas-snin pajjiżna jistabbilixxi ruħu bħala ċentru marittimu li joffri firxa ta’ servizzi u faċilitajiet għal bosta attivitajiet marittimi. Dan is-settur qed jikkontribwixxi bi sħiħ lejn it-tisħiħ tal-ekonomija u l-iżvilupp soċjali ta’ pajjiżna.
Biex jiġi żgurat li dan is-settur jkompli jikber b’mod sostenibbli, l-Gvern qed ifassal strateġija komprensiva u li tpoġġi ’l quddiem viżjoni li tixpruna settur tat-trasport marittimu dejjem aktar reżiljenti. Dan billi jitħarsu u jissaħħu l-attivitajiet marittimi li huma diġà stabbiliti, filwaqt li jingħata lok għal aktar diversifikazzjoni. L-istrateġija se tkun qed tiġi msejsa fuq il-bżonnijiet domestiċi ta’ pajjiżna filwaqt li tara li tkompli titwessa’ l-konnettività. Fl-istess waqt din l-istrateġija se tiżgura li jkompli jiġi imtejjeb il-qafas regolatorju u l-koordinament għall-infurzar neċessarju marbut mas-sigurtà marittima.
Il-ħidma għall-koordinament u t-tfassil ta’ din l-istrateġija qed tiġi koordinata mill-eks Kummissarju Ewropew għal-Ambjent, is-Sajd u l-Affarijiet Marittimi, l-Perit Karmenu Vella.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett sostna li din l-istrateġija se tkompli tgħin biex ir-reputazzjoni internazzjonali li għandu s-settur tat-trasport marittimu f’Malta tkompli tissaħħaħ, b’hekk attivitajiet bħal ma huma r-reġistru marittimu jkomplu jikbru fis-snin li ġejjin. Huwa żied jgħid li l-Gvern huwa kommess li jfassal strateġija bbażata fuq l-azzjonijiet neċessarji, b’hekk jiġi żgurat li jkompli jsir l-investiment infrastrutturali neċessarju u jitkattru aktar impjiegi sostenibbli għall-Maltin u l-Għawdxin.
Il-Perit Karmenu Vella qal li din l-istrateġija se tara li tkompli tibni fuq is-sinerġiji u l-koordinament bejn is-settur pubbliku u dak privat, għalhekk se jkunu qed isiru konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet interessati, li lkoll flimkien se jwasslu biex tiġi mfassla strateġija b’saħħitha u realistika.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN