STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ 117-il appuntament diplomatiku għal Malta fil-Ġimgħa ta’ Livell Għoli tal-UNGA 2024
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg fi New York għal l-iktar ġimgħa impenjattiva tal-kalendarju diplomatiku internazzjonali
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg wasal fi New York għad-79 sessjoni tal-Ġimgħa ta’ Livell Għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, fejn diplomatiċi Maltin huma mistennija jiltaqgħu ma’ diplomatiċi u mexxejja minn madwar id-dinja għall-iktar ġimgħa impenjattiva tal-kalendarju diplomatiku internazzjonali.
Malta ser tieħu sehem f’iktar minn 90 laqgħat ta’ livell għoli u avvenimenti multilaterali oħra u qed tippjana li jkollha 27 laqgħa bilaterali ma pajjiżi differenti, mifruxa fuq erba’ kontinenti, kif ukoll laqgħat ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.
Il-Ħadd u t-Tnejn, id-Deputat Prim Ministru Borg se jindirizza s-Summit dwar il-Futur (Summit of the Future), wieħed mill-aktar appuntamenti mistennija tal-Ġimgħa ta’ Livell Għoli din is-sena, li se jiġbor flimkien il-mexxejja tal-193 pajjiż membri tan-Nazzjonijiet Maqgħuda biex jiddiskutu l-kooperazzjoni internazzjonali u l-governanza globali, u jfasslu pjan ta’ azzjoni li jista’ jagħti ħajja aħjar illum, filwaqt li jħares il-futur. Is-Summit huwa mistenni li jagħlaq bl-adozzjoni ta’ patt ġdid, il-Patt għall-Ġejjieni, inkluż pjanijiet ta’ azzjoni għall-kooperazzjoni multilaterali fuq l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, l-innovazzjoni xjentifika, il-kooperazzjoni diġitali u l-involviment taż-żgħażagħ.
Bħala ċ-Chairperson attwali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), id-Deputat Prim Ministru Ian Borg se jkun ukoll qed jieħu sehem f’laqgħat bilaterali ma’ pajjiżi parteċipanti ta’ din l-organizzazzjoni.
Fit-tieni sena tagħha, bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, Malta se tkun ukoll qed tipparteċipa f’laqgħat tal-Kunsill tas-Sigurtà, inkluż dibattitu bit-tema "Tmexxija għall-Paċi" (Leadership for Peace) u sessjoni ta’ informazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar l-Ukrajna.
Il-Ġimgħa ta’ Livell Għoli se tilħaq il-qofol tagħha bejn it-Tlieta u s-Sibt, hekk kif il-pajjiżi kollha membri jipparteċipaw fid-Dibattitu Ġenerali annwali, li jimmarka l-ftuħ uffiċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda. It-tema ta’ din is-sena hija “Biex ħadd ma jibqa’ lura: naħdmu flimkien għall-paċi, l-iżvilupp sostenibbli u d-dinjita umana għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni.”
Malta se tieħu sehem ukoll f’laqgħat ospitati mill-Unjoni Ewropea u mill-Commonwealth.
Għal aktar informazzjoni żur affarijietbarranin.gov.mt jew segwi l-midja soċjali Affarijiet Barranin.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN