STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI
Stejjer mill-Konġura tal-Iskjavi tal-1749 irrakkontati f'wirja ġdida fil-Palazz tal-Inkwiżitur
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura wirja ġdida fil-Palazz tal-Inkwiżitur u fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija fil-Birgu, bit-titlu 'Tradiment u vendetta: Il-konġura tal-iskjavi tal-1749 f'19-il tpinġija storika', li tfakkar il-275 anniversarju minn din ir-rewwixta storika li falliet. Il-wirja se tibqa' miftuħa sa Marzu 2025.
Il-wirja hija mibnija fuq sett ta' dsatax-il tpinġija kontemporanja nnumerati, restawrati riċentement minn Heritage Malta. It-tpinġijiet juru r-ripressjoni qawwija li seħħet wara l-falliment tal-plott famuż, u jinkludu xeni li joffru ħarsa lejn ir-realtajiet brutali tal-passat. Rapporti miktuba dak iż-żmien, folji tal-priedki u letteratura aktar reċenti dwar is-suġġett jissupplimentaw il-wirja. Aktar minn 58 folja tal-aħbarijiet skambjati bejn l-Inkwiżitur u Delegat Appostoliku Paolo Passionei u l-Vatikan bejn l-1748 u l-1751, sawru n-narrattiva tal-wirja.
Permezz ta' interpretazzjoni kkurata bir-reqqa u teknoloġija avvanzata, il-wirja tittrasporta lill-viżitaturi lejn Malta taħt l-Ordni, u tesplora temi ewlenin bħall-iskjavitù, il-poter, it-tradiment, il-piena kapitali u t-tortura, fl-isfond soċjo-politiku tar-relazzjonijiet Musulmani-Kattoliċi li ddominaw il-Mediterran għal sekli sħaħ. Programm dinamiku ta' attivitajiet jakkumpanja l-wirja. Pubblikazzjoni bil-kulur illustrata, li toffri ħarsa ġenerali u komprensiva tas-saga ta' 45 xahar, se tkun disponibbli wkoll għax-xiri.
Il-Ministru Owen Bonnici qal, "Din il-wirja tagħti ħarsa profonda lejn perjodu drammatiku u importanti fl-istorja ta' pajjiżna, u permezz tagħha qed inkomplu nsaħħu l-impenn tagħna biex nagħtu spinta lit-turizmu kulturali. L-interess kbir li dejjem qed jiżdied għall-wirt storiku tagħna qed juri n-numri dejjem jiżdiedu ta' viżitaturi lejn is-siti ta' Heritage Malta. Din il-wirja hija prova oħra tal-ħidma li qed issir biex il-passat tagħna jingħata ħajja ġdida u jsir aċċessibbli għal kulħadd. Nirringrazzja lil dawk kollha involuti li wettqu din l-inizjattiva, partikolarment lill-ħaddiema ta' Heritage Malta."
Iċ-Chairman ta' Heritage Malta, Mario Cutajar saħaq li “wirjiet li jiflu siltiet minn ġrajjietna jkunu dejjem popolari. Wara l-pubblikazzjoni maħruġa minn Heritage Malta, f'din il-wirja issa l-ġrajja qed titwassal b'mod mirqum b'għodda moderni li jressqu lill-viżitaturi lejn l-istorja, u b'hekk jgħinuhom jifhmuha u japprezzaw iktar x'fissret għal żmienha u lil'hinn. Il-ħaddiema f'Heritage Malta jibqgħu jagħmlu ħilithom biex ġrajjietna jingħaddu bl-aħjar mod biex ikun hemm għarfien usa' tal-binja tal-identità tagħna llum."
Fl-inawgurazzjoni tal-wirja, il-Kap Eżekuttiv ta' Heritage Malta, Noel Zammit enfasizza l-impenn ta' Heritage Malta li toħloq esperjenzi mfassla apposta għax-xewqat u l-bżonnijiet tal-viżitaturi. Semma kif avvenimenti bħal din il-wirja huma l-frott tal-għaqda bejn it-tkabbir sostnut tal-aġenzija u l-istħarriġ u l-ġbir kontinwu tagħha tal-opinjoni tal-pubbliku.
Kenneth Cassar, il-Kuratur Anzjan għall-Etnografija fi ħdan Heritage Malta, spjega “Billi tibbaża fuq dawn il-korrispondenzi, studjati bir-reqqa mill-Professur William Zammit u ppubblikati minn Heritage Malta s-sena l-oħra fil-pubblikazzjoni premjata 'Slavery, Treason and Blood', u d-19-il tpinġija fil-kollezzjoni nazzjonali, il-wirja tidħol fil-fond fil-plott biex twassal storja dwar aspirazzjonijiet u tradiment, kemm fuq livell personali, kif ukoll fuq livell tal-istat, mitmuma mill-qawwa tal-Istat Ospitalier, 275 sena ilu."
Il-wirja se tibqa' għaddejja sal-31 ta' Marzu tal-2025. Id-dħul huwa parti mill-esperjenza tal-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija. Aktar dettalji jistgħu jiġu aċċessati hawn: https://heritagemalta.mt/whats-on/betrayal-and-vengeance-the-slaves-conspiracy-of-1749-in-19-historical-drawings/
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN