PR241451
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL
Tisħiħ fl-operat tal-Awtorità ta' Standards Soċjali
L-Awtorità ta' Standards Soċjali (SCSA) kompliet issaħħaħ l-operat u s-servizzi tagħha sabiex tagħti aktar struttura u qafas regolatorju fejn jidħol il-liċenzjar ta' residenzi li jieħdu ħsieb persuni vulnerabbli. Dan qed isir permezz ta' aktar investiment fir-riżorsa umana, ingaġġ ta' aktar professjonisti, taħriġ u anke tiġdid fid-dehra diġitali. Fil-fatt, matul din is-sena, daħal ukoll fis-seħħ ftehim kollettiv li tejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, il-pagi, u l-benefiċċji tagħhom fost l-oħrajn.
Twettqet ukoll ħidma fl-Awtorità Ċentrali li tgħin sabiex tmexxi 'l quddiem applikazzjonijiet relatati ma' adozzjonijiet ta' tfal kemm lokali kif ukoll dawk barra minn pajjiżna.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza fejn matulha ngħata rendikont tar-rapport annwali tal-SCSA għas-sena 2023.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, tkellem dwar l-importanza tal-ħidma tal-awtorità li tivverifika l-applikazzjonijiet għal-liċenzji għas-servizzi ta' assistenza soċjali. Dan filwaqt li hija responsabbli biex tagħti, tirrifjuta, tissospendi jew tirrevoka liċenzja biex topera servizz ta' assistenza soċjali skont kriterji stabbiliti.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv tal-SCSA, Ruth Sciberras tkellmet dwar l-irwol tal-Awtorità Ċentrali fejn jidħlu adozzjonijiet u spjegat li bħalissa l-Bulgarija, is-Slovakkja u l-Portugall huma l-aktar pajjiżi li minnhom qed isiru adozzjonijiet lejn Malta. Pajjiżi oħra li l-awtorità qed taħdem magħhom huma l-Indja, il-Kolombja, il-Polonja u l-Vjetnam.
L-awtorità tgħin ukoll f'sitwazzjonijiet ta' abduction tant li jirrappreżentaw persuni li jkollhom bżonn għajnuna legali fil-qorti minħabba dawn it-tip ta' każijiet. Bħalissa l-awtorità qed tassisti f'aktar minn 60 każ li jimmeritaw azzjoni fil-qorti li jinkludu wkoll każijiet li jinvolvu manteniment u aċċess.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN