STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI Jitħabbru d-dettalji tal-Cospicua Short Play Festival
Għas-seba' sena konsekuttiva, il-Kunsill Lokali ta' Bormla se jorganizza l-attività teatrali Cospicua Short Play Festival f'diversi toroq f'Bormla. Din l-attività ser issir bejn il-Ġimgħa 27 u s-Sibt 28 ta' Settembru mis-sebgħa ta' filgħaxija 'l quddiem. Dan il-festival qed jiġi ffinanzjat permezz tal-iskema għall-kunsilli lokali 'Attivitajiet Kulturali Annwali' u minn fondi addizzjonali tal-kunsill lokali.
Waqt it-tnedija ta' dan il-festival, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li attivitajiet soċjokulturali bħal dan il-festival joffru sens ta' komunità u jkomplu jagħtu l-ħajja lil-lokalitajiet tagħna. Hija qalet ukoll li din l-attività teatrali fil-beraħ tagħti wkoll spazju lill-artisti lokali biex juru t-talenti tagħhom.
“Nifraħ lill-Kunsill Lokali ta' Bormla u lill-organizzaturi kollha għall-ħidma u għad-dedikazzjoni biex tittella' s-seba' edizzjoni ta' din l-attività u nħeġġeġ lill-pubbliku jattendi bi ħġaru sabiex igawdi u jsostni t-talent Malti," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Is-Sindku ta' Bormla Marco Agius spjega li din is-sena se jittellgħu 6 rappreżentazzjonijiet kompetittivi li ser isiru ġo partijiet storiċi f'Bormla. Il-festival huwa bla ħlas u mingħajr booking. Il-Ħadd 29 ta' Settembru ser jingħataw ħames premjijiet għall-aqwa produzzjoni, attur, attriċi, skript u direttur.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll diversi membri mill-Kunsill Lokali ta' Bormla u d-Direttur Artistiku tal-Cospicua Short Play Festival Jason Zerafa.
Għal aktar informazzjoni fuq l-attività żur il-paġna ta' Facebook tal-Kunsill Lokali ta' Bormla.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN