STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAS-SAJD, L-AKWAKULTURA U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Imħabbra d-dettalji tal-Malta Fish Fest 2024 – Festa ta’ ħut lokali
F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said ħabbret id-dettalji dwar il-Malta Fish Fest 2024 li se tittella’ fil-21 ta’ Settembru f’Marsaxlokk.
Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet, il-Malta Fish Fest se jerġa’ jirritorna f’Marsaxlokk. Għal din l-edizzjoni, diversi sajjieda, għaqdiet u produtturi lokali, se jkollhom l-opportunità li jesponu l-prodotti lokali tagħhom. Fost l-esebizzjonijiet, se jkun hemm diversi esebiti marbuta mas-sajd mid-Dipartiment għas-Sajd u l-Aġenzija Aquatic Resources Malta, ikel relatat mal-ħut u frott tal-baħar, apparat użat għas-sajd, fost diversi affarijiet oħra.
Waqt il-festival tal-ħut se jkun hemm ukoll żona għat-tfal, kif ukoll divertiment minn diversi kantanti lokali, fosthom għannejja, Sarah Bonnici u l-band tagħha, Bernie and Pod, kif ukoll Sterjotipi.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet dwar l-importanza li jiġu organizzati avvenimenti ta’ dan it-tip f’pajjiżna. “Il-Malta Fish Fest daħal fil-kalendarju annwali Malti fejn fih qegħdin nagħtu l-opportunità lis-sajjieda juru dak li jwettqu matul is-sena, niċċelebraw ix-xogħol tagħhom, u anke nesponu l-ikel varjat relatat mal-baħar, fosthom il-lampuki li bħalissa ninsabu fl-istaġun tiegħu,” żiedet tgħid is-segretarju parlamentari.
“Il-Malta Fish Fest qiegħed iservi wkoll sabiex nuru l-impenn tal-Gvern li jkompli jkun ta’ kontribut għas-sajjieda lokali tagħna u għax-xogħol li jitwettaq għall-benefiċċju tas-sajd f’pajjiżna. Inħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi bi ħġaru għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħut lokali,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Id-Direttur fi ħdan il-Ministeru, Estelle Bonello Sant, tat spjegazzjoni tal-ħidma li ssir sabiex festival ta’ dan it-tip ikun jista’ jittella’. “Il-preparamenti għal dan il-festival ilhom għaddejjin xhur sħaħ sabiex intellgħu festival ta’ kwalità u nkomplu nikbru minn sena għall-oħra. F’din l-edizzjoni wieħed jista’ jgawdi minn diversi mkejjen sabiex nolqtu l-gosti ta’ kulħadd, minn tfal, adulti, u anki nies avvanzati fl-età,” temmet tgħid Bonello Sant.
Il-Malta Fish Fest 2024, organizzat mill-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, se tittella’ fil-21 ta’ Settembru 2024 f’Marsaxlokk. Għal aktar informazzjoni segwi l-paġna ta’ Facebook Sajd.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN