STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI L-iskola l-ġdida tal-Imsida hija l-ewwel skola pubblika carbon neutral li qatt inbniet lokalment
L-iskola primarja l-ġdida tal-Imsida li se tilqa’ fiha l-istudenti u l-edukaturi minn dan ix-xahar, se tkun l-ewwel skola pubblika carbon neutral li qatt inbniet lokalment.
Kofinanzjata mill-Programmi NextGenerationEU permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta, l-iskola tistabbilixxi standards ambjentali ġodda fil-faċilitajiet edukattivi ta’ Malta. B’hekk se tilħaq l-ogħla klassifikazzjoni tal-enerġija ta’ A+ b’rating EPC (Energy Performance Certificate) ta’ -9, li jagħmel l-iskola primarja l-ġdida tal-Imsida l-ewwel tax-xorta tagħha fl-gżejjer Maltin f’termini ta’ faċilitajiet edukattivi u bini.
Dalgħodu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żar l-iskola biex jara l-aħħar tħejjijiet biex lejn tmiem dan ix-xahar tibda titgawda mill-istudenti u l-edukaturi.
“Il-kostruzzjoni tal-iskola primarja l-ġdida tal-Imsida fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Santa Tereża hija prova tal-impenn sod tal-Ministeru u tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) għal infrastruttura moderna, b’ambjent aħjar u b’rispett għal żvilupp sostenibbli. Din il-binja tmur lil hinn mir-rekwiżiti statutorji kif stabbilit fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini,” spjega l-Ministru Grima.
Id-disinn tal-bini tal-iskola sar skont standards tal-aqwa prattika u b’tali mod biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet ta’ enerġija jkunu kemm jista’ jkun baxxi. Biex jintlaħaq dan l-għan il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, wettqet studji tekniċi preliminari fuq il-kunċetti tad-disinn arkitettoniku bl-għan li dawn jaslu għal miżuri xierqa u miżuri kostottimali, biex id-disinn jersaq lejn l-istatus ta’ kważi żero-enerġija.
Il-Ministru Grima qal li din l-iskola hija tal-ewwel xorta bħala f’pajjiżna, b’ambjent addattat għall-ħtiġijiet edukattivi tal-lum u taż-żmien li ġej. “Nemmnu li t-tieni dar tal-istudenti u tal-edukaturi għandha tkun waħda mhux biss li taqdi l-funzjoni tagħha, imma wkoll li tipprovdi ambjent mill-aqwa li fih it-tfal jieħdu gost jitgħallmu u l-edukaturi jieħdu gost jgħallmu,” qal il-Ministru Grima.
F’termini ta’ miżuri favur l-ambjent, l-iskola l-ġdida nbniet permezz tal-adozzjoni ta’ diversi azzjonijiet favur l-ambjent, fosthom insulazzjoni tal-ħitan u s-saqaf b’materjal li jżomm frisk fix-xhur sħan u sħun fix-xitwa u riċiklaġġ tal-ilma tax-xita li se jinġabar fi bjar apposta u jintuża għall-irrigazzjoni kif ukoll għall-użu tal-faċilitajiet sanitarji.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FTS Neville Young ta spjegazzjoni tax-xogħol li sar, filwaqt li faħħar u rringrazzja lil dawk kollha involuti f’dan il-proġett.
L-iskola l-ġdida għandha madwar 40 klassi, ċentru għall-ħarsien tat-tfal, librerija pubblika u sala li se tkun tesa’ madwar 300 persuna. Il-librerija pubblika, is-sala u anke ammont ta’ spazju rikreattiv se jkunu jistgħu jintużaw mill-komunità lokali wara l-ħinijiet tal-iskola.
Bħala parti minn dan il-proġett inbena wkoll kumpless ġdid għall-Imsida Sea Scouts. Taħt l-iskola hemm parkeġġ għall-karozzi fuq żewġ livelli li se jieħu madwar 180 karozza.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ madwar €24 miljun u huwa parzjalment iffinanzjat mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tal-Unjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN