STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI Skema ġdida tal-Awtorità tal-Artijiet dwar tibdil f’kundizzjonijiet ta’ kuntratti ta’ proprjetà trasferita mill-Gvern
L-Awtorità tal-Artijiet nediet skema ġdida li permezz tagħha qiegħda taġġorna r-raġunijiet li għalihom tista’ taċċetta tibdil jew tneħħija ta’ kundizzjonijiet li jkunu saru meta proprjetà tkun ġiet trasferita mingħand il-Gvern, l-Awtorità tal-Artijiet jew entitajiet ekkleżjastiċi.
Dettalji dwar din l-iskema nħarġu permezz ta’ Avviż Legal Nru. 196 li ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, fisser ir-raġunijiet għala nħasset il-ħtieġa li jinbidel l-Avviż Legali li kien hemm qabel meta it-tibdil jew it-tneħħija ta’ kundizzjonijiet mill-kuntratti oriġinali kien limitat biss għal tibdil fl-għadd ta’ residenzi jew garaxxijiet.
Huwa saħaq li skema bħal din hija meħtieġa biex ċittadini, familji u l-pubbliku inġenerali jkollhom aktar ċarezza dwar proċessi tal-Awtorità tal-Artijiet. Permezz ta’ din l-iskema, qal il-ministru, issa huwa ċar kif ħa jitħaddem il-proċess meta ċittadin jagħmel talbiet ta’ din ix-xorta lill-Awtorità. Għaldaqstant, talbiet ta’ din ix-xorta qegħdin jiġu strutturati fi skema biex ikun ċar kif għandhom isiru l-affarijiet.
L-Avviż Legali issa qed jagħti l-poter lill-Awtorità tiddeċiedi jekk it-tibdil propost ikunx ikkunsidrat bħala wieħed ta’ importanza minuri, medja jew maġġuri u minn din id-deċiżjoni ikun stabbilit x’miżati jew x’penalitajiet amministrattivi jridu jitħallsu. Biex tasal għal din id-deċiżjoni, l-Awtorità se tkun qiegħda tikkunsidra x’impatt dan it-tibdil jew it-tneħħija ta’ kundizzjoni se jkollu fuq il-valur liberu u frank tal-proprjetà li tkun ġiet ittrasferita. L-Avviż Legali jinkludi skeda sħiħa tal-pagamenti li jkunu jridu jsiru f’kull kategorija.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Zrinzo Azzopardi ta eżempji ta’ każijiet fejn l-Awtorità tal-Artijiet ser tkun tista’ tikkunsidra applikazzjonijiet għal dan it-tibdil jew ta’ tneħħija ta’ kundizzjonijiet f’kuntratti, fosthom tibdil fl-użu ta’ proprjetà. Semma wkoll x’inhuma l-każijiet li qed jiġu esklużi minn din l-iskema fosthom tibdil fit-titlu, tibdil għad-data tar-reviżjoni taċ-ċens, tibdil fl-ammont tal-pagamenti taċ-ċens, jew tibdil fit-terminu ta’ meta jiskadi ċ-ċens.
Tibdil jew tneħħija ta’ kundizzjonijiet mhux se jkun jista’ jsir meta proprjetà tkun inkisbet b’riżoluzzjoni parlamentari, b’tender jew bi proċedura ta’ tender jew b’irkant.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, li rrefera għal kif b’din l-iskema l-Awtorità ser tkun tista’ tipproċessa talbiet għal soluzzjonijiet ta’ problemi antiki marbuta ma’ kundizzjonijiet f’kuntratti ta’ ċnus li kienu inklużi fi żminijiet qodma u li m’għadhomx relevanti għaż-żminijiet tal-lum.
Preżenti wkoll għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm iċ-Chairperson tal-Awtorità tal-Artijiet, Dr John Vassallo, u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Carlos Tabone.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN