STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI Il-Malta Air Traffic Services b’rekord ta’ overflights matul dan is-sajf
Waqt żjara fil-Malta Air Traffic Services (MATS), il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, irringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol li wettqu matul l-istaġun tas-sajf li din is-sena kien partikolarment impenjattiv. Il-ministru kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-MATS, Claude Mallia, u miċ-Chief Operations Officer, Robert Sant, li pprovdew għarfien dwar il-prestazzjoni eċċellenti u l-għanijiet milħuqa mill-entità.
Fl-eqqel perjodu tas-sajf, li beda fil-bidu ta' Ġunju u se jibqa' sejjer sal-21 ta' Settembru, ra livelli tat-traffiku jkomplu jogħlew hekk kif MATS stabbilixxew rekord ġdid nhar il-Ħadd, 23 ta' Ġunju, b'539 titjira, li qabżu l-mira ta' 500 titjira kuljum. Barra minn hekk, l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta (MIA) esperjenza l-ogħla traffiku tas-sajf li qabeż it-tbassir, u kkontribwixxa b'mod sinifikanti għaż-żieda fl-istatistika. L-aktar ġurnata impenjattiva għall-movimenti fl-ajruport kienet il-Ħamis, 27 ta' Lulju, b'255 moviment ta' ajruplan filwaqt li l-movimenti ta' kuljum għall-perjodu tas-sajf ta' din is-sena żdiedu bi 12% meta mqabbla mas-sena ta' qabel.
Matul iż-żjara, il-Ministru Bonett faħħar lit-tim tal-MATS għad-dedikazzjoni u għall-professjonaliżmu tagħhom fl-immaniġġjar taż-żieda fit-traffiku tal-ajru, speċjalment matul l-eqqel perjodu tas-sajf, li ra żieda sinifikanti kemm fil-movimenti tal-ajruporti kif ukoll fl-overflights minn ġewwa l-Malta Flight Information Region (FIR).
“Id-dedikazzjoni u x-xogħol tal-ħaddiema fil-Malta Air Traffic Services assiguraw sajf sigur, effiċjenti, u li jikser ir-rekords fit-traffiku tal-ajru ta' pajjiżna. Dan is-suċċess mhux biss jirrifletti l-impenn ta' dan it-tim iżda jsaħħaħ ukoll il-pożizzjoni ta' Malta bħala attur ewlieni fis-settur tal-avjazzjoni tar-reġjun," saħaq il-Ministru Bonett.
Il-Malta Air Traffic Services hija l-uniku entità li tipprovdi servizz ta' navigazzjoni bl-ajru għall-Gżejjer Maltin filwaqt li hi responsabbli mill-kontroll tat-traffiku tal-ajru kemm ta' ajruplani li jinżlu u jitilgħu mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta kif ukoll ta' kull ajruplan li jgħaddi mill-Malta Flight Information Region (FIR). Il-FIR Malti, li jinkludi żona kbira mill-Mediterran, huwa influwenzat minn fatturi ġeopolitiċi, li jħallu impatt ukoll fuq il-volum tat-traffiku tal-ajru. Din is-sena, il-MATS kellha żieda wkoll fit-titjiriet f'din iż-żona hekk kif l-aktar ġurnata impenjattiva għat-titjiriet bl-ajru kienet it-28 ta' Lulju, bi 315-il moviment, żieda ta' 3% fuq is-sena ta' qabel.
Iċ-Chief Operations Officer Robert Sant enfasizza l-kisbiet impressjonanti tal-organizzazzjoni, u nnota li minkejja l-isfidi, il-MATS konsistentement qabżu l-aspettattivi. “Il-monitoraġġ kontinwu tat-traffiku tagħna ta riżultati eċċellenti. L-entità kellha l-għan li tilħaq l-500 titjira kuljum, u kburi nħabbar li mhux biss ilħaqna imma qbiżna dan it-tragward u b'hekk stabbilixxejna rekord ġdid għall-MATS," qal is-Sur Sant.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN