Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Imniedi servizz ta’ assistenza professjonali għal dawk affettwati mill-kostruzzjoni

PR241368
Date Icon 28/08/2024

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard nieda servizz ġdid offrut mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, intiż li jassisti b’xejn lil dawk affettwati mill-kostruzzjoni.

Dan is-servizz se jibda jingħata wara proċess ta’ sejħa pubblika li wassal għat-twaqqif ta’ Panel ta’ 20 professjonist, kompost minn 10 Avukati u 10 Periti.

Il-Ministru Attard stqarr li l-Gvern kommess li jkompli jkun ta’ sostenn għaċ-ċittadini u għaldaqstant qed iniedi dan is-servizz ġdid li jikkumplimenta wkoll il-helpline 138 imniedi reċentement, li jipprovdi appoġġ 24/7 għal min għandu tħassib immedjat relatat mal-kostruzzjoni u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. B’hekk dawn iż-żewġ servizzi se jkunu qegħdin jiffurmaw sistema ta’ għajnuna komprensiva mfassla biex tagħti liċ-ċittadini l-għodda biex jindirizzaw it-tħassib tagħhom b’mod effettiv.

“Aħna nemmnu li kull individwu għandu d-dritt li jifhem l-implikazzjonijiet tal-iżvilupp fil-viċinat tiegħu u li jħares l-interessi tiegħu. Għandna viżjoni ċara li nagħtu s-setgħa bl-għarfien u r-riżorsi meħtieġa biex dawk affettwati jkunu jistgħu jifhmu il-kumplessitajiet ta’ proġetti ta' kostruzzjoni anke b’assistenza teknika”, saħaq il-Ministru Attard.

Il-Ministru Attard żied jispjega li din l-inizjattiva hija ħolqa oħra minn katina ta’ inizjattivi u riformi li għaddej minnu s-settur.  

“Terzi affettwati li qabel kienu forsi joqogħdu pass lura u forsi agħar minn hekk jagħlqu għajn quddiem periklu fil-konfront tagħhom, issa se nkunu qegħdin nipprovdulhom din l-assistenza biex ngħinuhom jiddefendu l-interessi tagħhom u fuq kollox jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom u tal-għeżież tagħhom”, qal il-Ministru Attard.

Huwa spjega li terzi affettwati se jkunu jistgħu jieħdu parir u assistenza professjonali u indipendenti fuq drittijiet legali li għandhom, inkluż dwar aspetti ta’ servitujiet u distanza legali. Kif ukoll pariri tekniċi minn Perit dwar il-method statement, kif se jitwettaq ix-xogħol u kif dan jista’ jaffetwa l-propjetà tagħhom.

It-tim ta’ Avukati u Periti ta’ esperjenza jinsab disponibbli biex jisimgħu, jagħtu pariri u jassistu bl-aħjar mod possibbli lil kull individwu.

“Dan is-servizz imur lil hinn mill-miri tal-manifest elettorali u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika marbuta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Dan huwa servizz imsejjes fuq l-esperjenzi ta’ persuni mġarrba u anke l-esperjenzi li kellha l-Awtorità f’ċertu kwistjonijiet li żviluppaw”, tenna l-Ministru Attard filwaqt li rringrazzja lill-professjonisti dedikati li ngħaqdu flimkien biex jagħmlu dan is-servizz realtà.

Filwaqt li nnota r-rispons pożittiv tal-helpline fl-ewwel ġimgħat mit-tnedija, il-Ministru Attard qal li mit-tnedija tas-servizz daħlu medja ta’ 80 telefonata kuljum, b’75% jkunu relatati ma’ mistoqsijiet jew rapporti fuq xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

Min-naħa tiegħu, l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni l-Perit Roderick Bonnici tkellem ukoll dwar ir-ristrutturar li għaddej fl-awtorità, hekk kif qiegħda tkompli ssaħħaħ ir-rwol regolatorju tagħha u taġġorna b’inizjattivi u servizzi intiżi li joffru aċċess aktar faċli liċ-ċittadini affettwati.

Preżenti wkoll għal din il-konferenza kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Johan Galea u l-Kap Eżekuttiv ta’ Servizz.gov, Massimo Vella.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Imniedi servizz ta’ assistenza professjonali għal dawk affettwati mill-kostruzzjoni
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI: Imniedi servizz ta’ assistenza professjonali għal dawk affettwati mill-kostruzzjoni
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow