STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR, MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI
L-istudenti b'aċċess għall-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli sal-2050 adattata għalihom
Il-verżjoni għat-tfal tal-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Malta għall-2050 ġiet imnedija waqt attività fl-Iskola Primarja tal-Mosta B tal-Kulleġġ Marija Regina. Din l-inizjattiva, organizzata mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli, għandha l-għan li tispjega b’aktar mod sempliċi l-kunċetti tas-sostenibbiltà lit-tfal.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon iddiskutew mat-tfal l-istrateġija waqt sessjonijiet interattivi.
Il-verżjoni għat-tfal tal-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli ġiet imfassla kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Dan sar b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal bħala parti mill-proġett kofinanzjat mill-Programm tal-UE għaċ-Ċittadini, Ugwaljanza, Drittijiet u Valuri (CERV) ‘Insaħħu il-Vuċi tat-Tfal f’Malta’.
Barra minn hekk, Malta bħalissa qed tħejji r-reviżjoni nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Izvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Din l-inizjattiva tkompli tipprovdi spazju għat-tfal biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar dak li jgħodd l-aktar għalihom.
Minn din is-sena skolastika li ġejja, din l-istrateġija se titqassam lill-istudenti kollha tat-tielet sena madwar Malta u Għawdex, b’sessjonijiet interattivi li ser jiġu pprovduti mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, "Kull tifel u tifla jistgħu jkunu ambaxxatur għall-bidla u s-sostenibbiltà. Aħna se ngħinuhom imexxu l-komunitajiet tagħhom ’il quddiem billi nipprovdu l-għodda u l-għarfien meħtieġ. Meta t-tfal jitgħallmu dwar prattiċi sostenibbli jkunu jistgħu jinkoraġġixxu lil sħabhom u lill-familjari biex anke huma jkunu sostenibbli fil-ħajja tagħhom. Flimkien nistgħu nrawmu ġenerazzjoni li taħdem favur futur sostenibbli biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu differenza fis-soċjetà tagħna”.
Il-Ministru Michael Falzon saħaq li din hija parti minn viżjoni fit-tul, fejn kulħadd jagħti sehmu sabiex tingħata prijorità lejn l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. ''Iż-żjara tal-lum tkompli tixhed il-ħidma kollettiva tal-Gvern u aktar minn hekk dik illi nkomplu nwasslu messaġġ li jinftiehem minn kulħadd, mit-tfal sal-kbar'', saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clifton Grima qal, “Wieħed mill-għanijiet tas-sistema edukattiva huwa li ntellgħu ċittadini responsabbli. B’din l-istrateġija qed inkomplu nenfasizzaw l-importanza tal-iżvilupp sostenibbli, flimkien ma’ tagħlim ieħor li nagħtu fl-iskejjel tagħna. Strateġija li anki kif għamilna bi strateġiji li ppubblikajna dan l-aħħar, qed ngħadduha lit-tfal żgħar tagħna b’mod li tkun spjegata bil-mod kif l-aħjar li jifhmuha. Din l-Istrateġija tiżgura li kulħadd ikollu dak li jeħtieġ biex ikun kuntent u b’saħħtu, kemm issa u kif ukoll fil-futur, għalhekk tajjeb li nkomplu nenfasizzaw dan anki minn età żgħira, il-ġenerazzjoni li se tmexxi lil pajjiżna fil-futur.”
L-Istrateġija ta' Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli għall-2050, li fuqha diġà saret konsultazzjoni pubblika, hija strateġija ħolistika li għandha tgħina nilħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Din l-Istrateġija, li tfasslet bis-saħħa tal-impenn u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha, inklużi l-Ministeri u l-entitajiet, is-soċjetà ċivili, is-settur privat, l-akkademja, u ċ-ċittadini, tfittex li ssaħħaħ il-mekkaniżmi u strutturi eżistenti filwaqt li twitti t-triq għall-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki u inizjattivi ġodda sabiex Malta tilħaq l-għanijiet tagħha b’mod aktar effettiv, effiċjenti, u koerenti.
Għal aktar informazzjoni żuru https://sustainabledevelopment.gov.mt/maltas-sustainable-development-strategy-for-2050/
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN