STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI Imnedija regolamenti ġodda għaż-żamma tal-annimali f’żoos
F’konferenza tal-aħbarijiet ġew imħabbra numru ta’ regolamenti ġodda li se jinfurzaw iż-żamma tal-annimali f’żoos madwar Malta u Għawdex. Dawn ir-regolamenti, flimkien ma’ regolamenti oħra mħabbra f’dawn l-aħħar xhur relatati mal-ħarsien tal-annimali, huma parti mill-ħidma u l-pjan strateġiku tal-gvern sabiex ikompli jżid aktar id-drittijiet tal-annimali.
Ir-regolamenti li se jidħlu fis-seħħ fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-emenda fil-liġi, se jaraw l-infurzar ta’ diversi miżuri. Fost dawn hemm inkluż id-deskrizzjoni legali ta’ żoo bil-liċenzjar dovut; il-limitazzjoni fl-interazzjoni tal-viżitaturi mal-annimali eżotiċi, permissibbli biss b’awtorizzazzjoni maħruġa skont id-diskrezzjoni tad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja; u anki l-kontroll limitat ta’ tgħammir ta’ annimali eżotiċi miżmuma f’żoos.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, kif ukoll mid-Direttur tad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja Paul Portelli.
Il-Ministru Anton Refalo saħaq li dak li qed jitħabbar illum ikompli jsaħħaħ il-qasam tad-drittijiet tal-annimali, fejn issa ż-żoos liċenzjati għandhom jitmexxew taħt regolamenti ġodda.
Filwaqt li elenka numru ta’ punti li joħorġu minn din il-liġi l-ġdida, il-ministru fakkar li l-gvern għandu strateġija nazzjonali b’viżjoni li għandha l-għan li tħares id-drittijiet tal-annimali, fosthom fejn jidħlu s-saħħa u l-kura tagħhom. “F’dawn l-aħħar snin rajna kif insostnu s-settur b’diversi skemi u inizjattivi sabiex ngħinu lill-annimali u lin-nies li b’mod volontarju jaħdmu magħhom,” stqarr il-ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet li dawn ir-regolamenti l-ġodda se jkomplu jsaħħu l-ħarsien tal-annimali, kif ukoll is-saħħa u s-sigurtà tan-nies viżitaturi.
“Il-gvern qiegħed ikompli jsaħħaħ mhux biss id-drittijiet tal-annimali, iżda wkoll qed iżid aktar għarfien dwar il-benesseri tal-istess annimali, f’dan il-każ annimali meqjusa eżotiċi,” kompliet tgħid is-segretarju parlamentari.
Hija temmet tgħid li b’dawn ir-regolamenti se tiżdied u tissaħħaħ ir-riċerka tal-istess annimali miżmuma fiż-żoos għall-benefiċċju tal-istess settur.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Paul Portelli qal kemm huwa importanti li jiġu osservati u limitati t-tgħammir ta’ annimali eżotiċi sabiex ma jkunx hemm taħlit ġenetiku li jista’ jirriżulta f’dannu għas-saħħa tal-istess annimali. Huwa tenna li se jkun hemm sorveljanza aktar mill-viċin tal-annimali eżotiċi miżmuma fiż-żoos, b’limitazzjoni għall-interazzjoni mal-viżitaturi, skont il-każijiet ta’ annimali speċifiċi, b’awtorizzazzjoni mill-istess direttorat.
Ir-Regolamenti tal-2024 dwar iż-Żamma ta’ Annimali f’Żoos se jidħlu fis-seħħ u jkunu infurzati fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tagħhom u jagħmlu parti mill-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali (Kap. 439).
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN