STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR U L-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI: Miexi x-xogħol għall-bini mill-ġdid ta’ triq rurali ġewwa Chadwick Lakes
Miexi ġmielu x-xogħol f’Chadwick Lakes fuq il-bini mill-ġdid ta’ triq rurali. Ix-xogħol, li qed isir b’kollaborazzjoni bejn Infrastructure Malta (IM) u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA), huwa intiż biex isaħħaħ il-ħajt tal-banjijiet li minnhu jgħaddi l-ilma tax-xita. Dan ix-xogħol ifisser ukoll pedamenti aktar sodi għat-triq, biex tiżdied is-sigurtà u l-aċċessibilità.
Parti mit-triq fl-inħawi ta’ Wied il-Qliegħa u fl-inħawi ta’ Slampa fir-Rabat kienu ċedew. Fl-aħħar snin, partijiet mill-ħajt li kien jifforma wieħed mill-ikbar baċiri tal-ilma f’Chadwick Lakes ċeda minħabba ċaqlieq u erożjoni madwar il-pedamenti tiegħu. Dan wassal biex parti mit-triq li tiskorri eżatt mal-ġenb ta’ dan il-baċir ċediet b’tali mod li ntilef l-aċċess minn parti għall-oħra ta’ Chadwick Lakes. Biex jiġi evitat ir-riskju li l-kumplament tal-ħajt ikompli jċedi wara xi maltempata, il-kumplament tal-ħajt li jżomm it-triq u li jifforma l-baċir qed jiġu ristrutturati.
Ix-xogħol jinkludi bini ta’ żewġ ringieli ta’ ‘piles’ (kolonni fl-art) li qed jintużaw biex isaħħu l-art eżistenti li tifforma l-ġenb tal-baċir. B’kollox qed jinbnew 180 ‘pile’, u huma neċessarji sabiex joffru pedamenti sodi minħabba li l-ġeoloġija f’din iż-żona hija kkaratterizzata minn tafal u blat kemxejn dgħajjef.
Waqt żjara fuq il-post fejn qed isiru x-xogħlijiet mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Infrastruttura Chris Bonett, il-Kap Eżekuttiv tal-EWA, Manuel Sapiano u l-Kap Eżekuttiv ta’ IM, Steve Ellul spjegaw ix-xogħol li għaddej.
Manuel Sapiano spjega li l-baċir li fuqu għaddej ix-xogħol jesa’ mal-35,000 metru kwadru t’ilma, illi jagħmlu użu minnu l-bdiewa tal-madwar. “Ix-xogħlijiet li qed isiru ta’ ripristinar jiżguraw is-saħħa tat-triq, sabiex il-baċir ikun jista’ jibqa’ jintuża u jżomm volum t’ilma li jgawdi minnu s-settur agrikolu,” qal is-Sur Sapiano.
Min-naħa tiegħu, Steve Ellul qal, “Dan huwa proġett tipiku illi Infrastructure Malta qiegħda timbotta ’l quddiem. Proġett infrastrutturali li fl-istess ħin jagħti importanza qawwija għall-ambjent u għas-sostenibbiltà. B’kollaborazzjoni bħal din iridu nkomplu nsaħħu l-ambjent madwarna.”
Ix-xogħol qed isir taħt il-monitoraġġ tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN