STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Jinfetħu l-applikazzjonijiet għan-nomini tal-Premju Anzjanità Attiva 2024
F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea ħabbar li nfetħu l-applikazzjonijiet għan-nomini tal-Premju Anzjanità Attiva 2024, li jirrikonoxxi u jiċċelebra l-kontribut u l-impenn ta' individwi u organizzazzjonijiet fis-settur tal-Anzjanità Attiva. Dan l-avveniment annwali se jkun parti miċ-ċelebrazzjonijiet li jseħħu fix-xahar ta' Ottubru, x-xahar iddedikat għall-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li dan il-premju huwa mezz biex iħeġġu lill-anzjani jkomplu jgħixu ħajja attiva u involuta. “Il-Premju Anzjanità Attiva mhux biss jirrikonoxxi l-isforzi ta' dawk li jagħmlu differenza, iżda wkoll isaħħaħ il-messaġġ li l-anzjanità hija perjodu fejn wieħed jista' jibqa' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti lis-soċjetà. Għandna bżonn individwi u gruppi li jservu ta' eżempju u li juru li l-età mhijiex ostaklu, imma opportunità biex tkompli tgħix b'mod pożittiv u produttiv," sostna s-Segretarju Parlamentari Agius Galea.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC), Dr Renzo Degabriele, u Amy Friggieri li qed tmexxi l-Bord tal-Premju Anzjanità Attiva, li spjegaw dwar l-importanza ta' dan il-premju fl-għarfien ta' dawk li jippromwovu l-Anzjanità Attiva f'Malta. Huma nnutaw kif il-premju jkompli jirrikonoxxi d-diversi modi kif l-anzjani jikkontribwixxu b'mod attiv fis-soċjetà.
Għall-edizzjoni ta' din is-sena se jingħataw sitt premji f'kategoriji differenti li jinkludu: Premju Anzjan tas-Sena 2024; Innovazzjoni u Teknoloġija fl-Anzjanità; Anzjanità Kulturali; Anzjanità Sportiva; Volontarjat fl-Anzjanità; u Solidarjetà Interġenerazzjonali. Il-Bord tal-Premju Anzjanità Attiva se jkun qed jeżamina l-applikazzjonijiet kollha biex jagħżel l-aqwa kisbiet fl-anzjanità attiva.
Ir-rebbieħa se jiġu ppremjati waqt ċerimonja li se tiċċelebra l-individwi u/jew il-gruppi nominati. Bħala parti minn dan l-avveniment se jkun hemm ukoll il-ftuħ ta' esebizzjoni li se tesebixxi l-attivitajiet li jsiru fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva.
Il-formoli tal-applikazzjoni jistgħu jinkisbu miċ-Ċentri Servizz Anzjan f'Malta u f'Għawdex, kif ukoll online fuq il-paġni tal-midja soċjali tal-AACC u s-sit elettroniku tagħhom. Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-formoli tan-nominazzjoni hija t-8 ta' Settembru 2024.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN