STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA U L-ANZJANITÀ ATTIVA Aktar tisħiħ fis-servizzi offruti mid-Dipartiment tar-Radjoloġija permezz ta’ investiment f’teknoloġija avvanzata
Investiment ta' miljun ewro f'teknoloġija SPECT-CT Scan fl-Isptar Mater Dei
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela ħabbar li permezz ta' investiment ta' miljun ewro f'apparat u teknoloġija avvanzata, din il-ġimgħa, fl-Isptar Mater Dei ġie varat servizz ġdid ta' SPECT-CT Scanning.
Dan is-servizz ġdid ser ikun qed jikkomplementa l-kullana ta' servizzi speċjalizzati li d-Dipartiment tar-Radjoloġija joffri fl-Isptar Mater Dei.
Il-ministru spjega li din it-teknoloġija avvanzata tgħin sabiex l-ispeċjalisti jkunu jistgħu jillokalizzaw kundizzjonijiet u mard b'aktar preċiżjoni, u b'hekk ikunu jistgħu jagħmlu dijanjosi ċara u dettaljata li twassal għal kura speċjalizzata u f'waqtha.
Il-Ministru Jo Etienne Abela tenna li huwa ppjanat li din it-teknoloġija tintuża f'diversi oqsma, fosthom fl-ortopedija, endokrinoloġija, pulmonoloġija, kardjoloġija u f'dak li għandu x'jaqsam mal-mard tal-kanċer.
“Dan l-investiment ikompli jixpruna l-viżjoni tal-gvern li l-Isptar Mater Dei jkompli jiffoka u jiżviluppa l-potenzjali tiegħu bħala ċentru t'eċċellenza fis-saħħa sekondarja u terzjarja. Nirringrazzja lill-impjegati kollha mill-oqsma amministrattivi u tekniċi li ħejjew dan il-proġett f'qasir żmien," temm jgħid il-ministru.
Min-naħa tiegħu, Dr Andrew Mallia, Consultant Nuclear Medicine Physician, irrimarka fuq l-importanza ta' dan is-servizz innovattiv u saħaq fuq l-benefiċċji li l-pazjenti se jgawdu f'dan ir-rigward grazzi għat-teknoloġija avvanzata li se twassal għar-riżultati aktar preċiżi u kura speċjalizzata.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN