STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI U AFFORDABBLI Inawgurat proġett ġdid t’akkomodazzjoni soċjali fil-Qrendi
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes inawgura proġett ġdid t'akkomodazzjoni soċjali ġewwa l-Qrendi. Dan il-proġett se jkun qiegħed jipprovdi residenza lil sitta u għoxrin familja u sar permezz ta' investiment ta' ftit inqas minn 4 miljun ewro.
Il-Ministru Galdes waqt l-inawgurazzjoni ta' dan il-proġett spjega kif dan l-investiment sostanzjali fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali, qiegħed isir sabiex “mhux biss nipprovdu saqaf sikur, iżda ukoll, sabiex noffru ambjent dinjituż, fejn il-familji tagħna jkunu jistgħu jabitaw f'residenza li tkompli tgħolli l-kwalità tal-ħajja tagħhom."
“Irridu nkunu ta' spalla għal dawn il-familji, sabiex ikunu jistgħu jabitaw f'residenza li toffri ġejjini sabiħ, kemm għalihom, kif ukoll għal uliedhom. Dan l-investiment sar ukoll fil-qalba tal-komunità, għaliex nemmnu bi sħiħ fl-inklussività ta' kull individwu fis-soċjetà tagħna," sostna l-Ministru Galdes.
Din il-binja ġdida tinkorpora fiha sitta u għoxrin residenza, kif ukoll għoxrin garaxx. Dan il-proġett huwa t-tieni minn tliet proġetti t'akkomodazzjoni soċjali ġodda fil-lokalità tal-Qrendi. L-ewwel proġett li diġà ġie inawgurat kien jikkonsisti fi ħdax-il residenza ġdida t'akkomodazzjoni soċjali.
Il-Ministru tenna li jħares 'il quddiem sabiex tkompli l-ħidma fuq il-proġetti t'akkomodazzjoni msemmija. “Dan nagħmluh sabiex inkomplu nagħmlu differenza fil-ħajja tal-familji li jibbenifikaw minn dawn il-proġetti u nkomplu ngħollu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin", ikkonkluda l-Ministru Galdes.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN