STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U D-DRITTIJIET TAT-TFAL U S-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI: Imtella’ konferenza bit-tema ‘Nipprevjenu t-traffikar uman: Inwaqqfu l-abbuż qabel jibda’
L-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) kompliet issaħħaħ l-impenn tagħha sabiex tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin. Dan permezz ta’ approċċ komprensiv u ħolistiku li jagħti prijorità lill-benesseri u l-appoġġ tal-individwi kollha milquta minn din ir-realtà.
Propju fil-Jum Internazzjonali Kontra t-Traffikar tal-Bniedem, l-FSWS tellgħet konferenza bit-tema ‘Nipprevjenu t-traffikar uman: Inwaqqfu l-abbuż qabel jibda’, li għaliha attendew diversi stakeholders li ddiskutew l-aqwa modi t’għajnuna lill-vittmi ta’ din ix-xorta.
Intqal illi bħalissa hemm 17-il persuna li qed jirċievu għajnuna mis-servizz lokali tat-traffikar tal-bnedmin. Permezz tal-Aġenzija Appoġġ, jingħataw sessjonijiet kemm lill-professjonisti kif ukoll lill-vittmi. Dan bil-għan illi jiżdied aktar l-għarfien, jinħoloq ambjent aktar sigur għall-individwi kollha, u li jipprevjeni każijiet futuri ta’ sfruttament.
L-Aġenzija Appoġġ tmexxi wkoll dar għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, f’ambjent sigur u ta’ appoġġ fejn il-vittmi jistgħu jaċċessaw servizzi essenzjali, jirċievu pariri u jibdew il-proċess ta’ fejqan emozzjonali u anke fiżiku. Matul is-sena li għaddiet, din ir-residenza laqgħet 11-il resident minn nazzjonalitajiet differenti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal illi l-Gvern kommess li jkomplu jsaħħaħ l-għarfien dwar is-sinjali ta’ twissija tat-traffikar tal-bnedmin, billi jtejjeb il-komunikazzjoni fost il-professjonisti, bil-prijorità ewlenija tibqa’ dik li jingħata appoġġ fit-tul lil individwi f’riskju.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbret li Malta dalwaqt ikollha l-ewwel strateġija nazzjonali b’miżuri maħsuba biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin. Hija qalet li fl-aħħar tliet snin, sar ħafna xogħol preparatorju bl-għajnuna ta’ esperti mill-Kunsill tal-Ewropa li kien jikkonsisti f’taħriġ lill-uffiċjali pubbliċi u b’kampanji ta’ għarfien biex l-istrateġija tkun tista’ titwettaq u tkun aktar effettiva.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li d-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għaddej b’kampanja oħra ta’ għarfien dwar forom varji ta’ traffikar uman biex iqajjem kuxjenza dwar din il-kriminalità organizzata li tinħtieġ anke l-koperazzjoni tal-pubbliku biex tkun miġġielda.
Jekk teħtieġ aktar informazzjoni jew riżorsi speċifiċi dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, ċempel fuq 22959000 jew fuq Supportline 179.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN