STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Malta mfaħħra fil-kamp internazzjonali għal-liġi li tiġġieled id-diskriminazzjoni
Hekk kif daħal fis-seħħ l-Att li jħassar l-Ordinanza dwar il-Lebbrużi u r-Regolamenti dwar il-Lebbrużi, Malta ġiet imfaħħra fil-kamp internazzjonali, fosthom mid-Direttur tal-għaqda internazzjonali The Leprosy Mission, Brent Morgan li faħħar u rringrazzja lill-Gvern Malti talli mexxa bl-eżempju t-tħassir ta' din il-liġi. Huwa ħeġġeġ lil pajjiżi oħra biex isegwu dan l-eżempju biex ħadd ma jiffaċċja diskriminazzjoni minħabba l-lebbra.
Il-liġijiet li ġew imħassra kienu ġew adottati fi żmien l-Ingliżi, fl-1919, u sal-lum kienu għadhom jippermettu li ssir diskriminazzjoni kontra persuni affettwati mill-Hansen's Disease, magħrufa bħala l-lebbra. Illum il-ġurnata hemm kura għal din il-marda, fejn persuni affettwati ikollhom fejqan malajr u ma jkunx hemm il-bżonn illi jinżammu 'l bogħod minn persuni oħra. Malta kienet minn ta' quddiem fl-iżvilupp ta' din il-kura, li issa hija disponibbli mad-dinja kollha, permezz tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO).
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, li mexxiet 'il quddiem dawn l-emendi fil-Parlament, stqarret illi l-eżistenza ta' liġijiet diskriminatorji, anke jekk ma jintużawx, hija biżżejjed sabiex tkompli titkattar din id-diskriminazzjoni kontra persuni b'diżabilità, inklużi persuni affettwati mil-lebbra. Għaldaqstant skattat ħidma li wasslet sabiex kien hemm deċiżjoni unanima li jitħassru dawn il-liġijiet.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet ukoll illi Malta ser tkompli taħdem ma' The Leprosy Mission fil-kampanja tagħhom sabiex pajjiżi li għad għandhom tali leġislazzjoni, speċjalment fil-Commonwealth, iħassruha wkoll.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN