STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Il-pajjiż qed jimplimenta pjan komprensiv fis-settur tad-distribuzzjoni tal-enerġija
Pjan li ġie spjegat lill-MCESD u li se jkompli jiġi implimentat
Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li jrid jiltaqa' mal-MCESD biex jiddiskuti l-isfidi fis-settur tal-enerġija, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli diġà ltaqgħet u se tkompli tiltaqa' mal-MCESD biex tiddiskuti s-soluzzjonijiet, fosthom l-akbar investiment fid-distribuzzjoni tal-elettriku f'pajjiżna.
L-imsieħba soċjali kienu, għadhom u se jibqgħu jkunu aġġornati bl-investiment li qed isir fis-sistema tad-distribuzzjoni ta' pajjiżna, f'laqgħat li għalihom jattendu wkoll it-tekniċi. Dan għaliex ir-responsabbiltà titlob li nkomplu ninvestu f'infrastruttura aħjar għal-lum u għall-futur, kif qiegħed jagħmel dan il-gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni rrefera wkoll għall-kumpens meta l-imsieħba soċjali kienu involuti fis-sistema ta' kumpens li diġà ġiet imfassla u li se terġa' titħaddem dan is-sajf.
Intant, kif anke kien spjegat mill-Ministru Miriam Dalli u t-tmexxija tal-Enemalta fi press briefing nhar is-Sibt li għadda, din is-sena diġà tqiegħdu 82 kilometru ta' cables taħt l-art u saru 32 substation ġdida. Fl-istess ħin sar xogħol fuq 36 transformer f'substations u sar il-bdil ta' 22 switchgear f'substations differenti. Dan bħala parti minn pjan intensiv li għandu jkompli jibni fuq ir-riformi fis-settur tal-enerġija fl-aħħar snin.
Fl-ewwel fażi ta' dan l-investiment sar xogħol fiż-żoni ta' Wied il-Għajn, il-Kalkara, Bormla, Birgu, Żurrieq, Ħal Safi, Ħal Kirkop, Ħal Far, Ħad Dingli, Ħaż-Żebbuġ u Ħal Luqa, Rabat, Mosta u Naxxar f'Malta. F'Għawdex saru xogħlijiet fil-Qala, Sannat, fin-Nadur, fix-Xlendi u f'parti minn Marsalforn.
Fit-tieni fażi tax-xogħlijiet li bdiet diġà se jsir xogħol mill-Marsa għas-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, Ħaż-Żabbar u Ricasoli, San Ġwann, San Ġiljan u l-Gżira, tas-Sliema u Ħ'Attard, Birkirkara, Ħamrun u Santa Venera, Fgura, Mellieħa, Buġibba u Qawra f'Malta. Filwaqt li f'Għawdex tkompla x-xogħol f'Marsalforn u x-Xagħra, u se jsir xogħol ta' rinfurzar fl-inħawi tal-Għarb, Kerċem, Għasri, San Lawrenz u Rabat, Għawdex.
Bejn l-2022 u l-2023, saru 80 substation ġdida, 18km ta' Medium Voltage Reinforcements, 44 switchgear replacement, 22 transformer uprate u 145 feeder fost oħrajn.
Ma' dawn kien hemm estensjoni taċ-ċentri ta' distribuzzjoni f'Marsaskala, fl-Imrieħel u f'Ħal-Tarxien. Bħala parti minn fażi oħra ta' investiment fid-distribuzzjoni se jsiru ċentri ta' distribuzzjoni ġodda fis-Siġġiewi u fin-Naxxar.
Gvern responsabbli joffri s-soluzzjonijiet kif offra fl-aħħar snin meta quddiem kriżjiet internazzjonali żamm stabbli l-kontijiet tal-enerġija, bħalma għamel fir-rigward tal-provvista tal-enerġija fejn lesta power station ġdida tal-LNG, lesta l-ewwel interconnector u beda jaħdem fuq it-tieni interconnector li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqu.
Kien hemm ukoll żieda qawwija fil-ġenerazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli li issa trid tkun ikkumplimentata bl-investiment f'Battery Energy Storage Systems.
Dan kollu hu parti minn pjan għas-settur li l-gvern se jibqa' jaħdem fuqu u li se jibqa' jkun implimentat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN