STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Il-Ministru Attard iniedi l-proċess t’implimentazzjoni tal-liġi ġdida tal-OHSA – lejn kultura ta’ aktar serjetà u responsabbiltà
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard indirizza konferenza tal-aħbarijiet b'rabta mal-liġi l-ġdida tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA) minn fost il-ħaddiema fid-De La Rue Security and Currency Ltd.
Il-Ministru Attard faħħar il-prattiċi tas-salvagwardja tas-saħħa u s-sigurtà f'din il-fabbrika fejn fost l-oħrajn il-ħaddiema huma mħeġġin li jirrapurtaw kwalunkwe forma ta' nuqqas ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Innota li r-rappurtaġġ żdied sostanzjalment fl-aħħar għaxar snin u dan naqqas ukoll ir-riskju ta' inċidenti fuq is-sit għal medja minima ta' bejn żero u inċident wieħed fis-sena. “Din il-liġi l-ġdida hija opportunità biex ningħaqdu f'messaġġ b'saħħtu li s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema tagħna mhijiex negozjabbli", saħaq il-Ministru Attard filwaqt li fakkar li din hija ntiża li tindirizza realtajiet li żviluppaw f'dawn l-aħħar għoxrin sena.
Il-Ministru Attard tkellem dwar kif b'antiċipazzjoni għal din il-liġi ġdida, fl-aħħar xhur l-Awtorità bdiet taħdem fuq proċess ta' ristrutturar intern li diġà beda jħalli riżultati pożittivi. “Prinċipalment, dan affettwa t-Taqsima Teknika u wassal għal żieda qawwija fl-infurzar fejn fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena nħarġu 260 multa, minn 68 fl-2023 u ttieħdu 618-il forom differenti ta' azzjoni ta' nfurzar fuq il-lantijiet tax-xogħol, minn 135 matul is-sena li għaddiet", żied jgħid il-Ministru Attard.
Huwa rrefera wkoll għal żieda sostanzjali fl-ispezzjonijiet fejn minn 2585 spezzjoni fl-2023, fl-ewwel nofs ta' din is-sena diġà twettqu madwar 4000 spezzjoni. Hawnhekk huwa nnota li għalkemm l-Awtorità qiegħda tkompli tifrex l-għeruq tagħha f'oqsma varji bħalma huma stabbilimenti tal-catering, manifattura u servizzi relatati mal-kura tas-saħħa, l-Awtorità qiegħda wkoll twieġeb b'impenn għas-settur tal-kostruzzjoni, fejn l-aħħar ċifri aġġornati jindikaw li aktar minn nofs l-ispezzjonijiet saru fuq siti kostruzzjoni.
L-OHSA bdiet ukoll inizjattivi ġodda li se jkunu qegħdin jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà ta' ħaddiema esposti għal kimiċi perikolużi u tnediet ukoll kampanja ta' għarfien kontra l-effetti ta' vibrazzjoni kkawżata minn inġenji. Jikkumplimenta dawn iċ-ċifri hemm l-impenn tal-investiment fir-riżorsa umana fejn inbdiet ukoll evalwazzjoni interna lejn strateġija nazzjonali għas-saħħa u s-sigurtà f'pajjiżna u dan b'konsultazzjoni mal-istakeholders f'pajjiżna u fuq kollox bl-involviment tad-Direttorat għall-Affarijiet ta' Saħħa u Sigurtà fil-Kostruzzjoni u Postijiet tax-Xogħol.
“L-OHSA se tkun qed twettaq pjan t'azzjoni marbut b'miri ċari biex tiżgura li d-dħul fis-seħħ tal-provediment varji ta' dan l-Att il-ġdid iwassal biex jittieħdu dawk il-miżuri minn min għandu dak l-obbligu biex niżguraw il-protezzjoni tal-ħaddiema tagħna", tenna l-Ministru Attard filwaqt li spjega dwar il-proċess ta' implimentazzjoni fosthom il-ħatra tal-membri tat-Tribunal u dawk tal-bord ta' Governanza skont kif mitlub fl-Att il-ġdid. Il-Ministru Attard għalaq jirrafferma l-impenn tiegħu u tal-Gvern lejn it-twettiq t'aktar riformi kuraġġużi filwaqt li nnota li minn Jannar, bħala Ministeru għadda disa' abbozzi ta' liġijiet ġodda fil-Parlament, u mal-25 abbozz ta' liġi sa mill-bidu tal-leġiżlatura, medja ta' kważi liġi kull xahar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar saħqet dwar l-impenn tal-Awtorità li minn fuq il-karta tgħaddi għall-implimentazzjoni ta' din il-liġi tant importanti, filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha involuti fil-konsultazzjoni, fosthom l-esperti tal-istess Awtorità. Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll id-Direttur tad-Direttorat għall-Affarijiet ta' Saħħa u Sigurtà fil-Kostruzzjoni u Postijiet tax-Xogħol Cheryl Haber.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN