STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI L-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano rijappuntat Chairman tal-PCAC b’vot unanimu
L-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano reġa' ġie rijappuntat bħala Chairman tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni (PCAC), b'vot parlamentari unanimu favur mozzjoni mressqa mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard.
Din kienet l-ewwel darba li ċ-Chairman tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni se jkun qiegħed jinħatar mill-President ta' Malta, li taġixxi skont Riżoluzzjoni tal-Kamra li tgħaddi bil-voti ta' mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri kollha tal-Kamra.
Il-Ministru Attard ddeskriva lill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano bħala persuna ta' integrità kbira, li serva f'diversi rwoli, inkluż bħala Imħallef, Maġistrat u anke fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
“M'hemmx dubju illi l-Imħallef Quintano huwa bniedem mill-iżjed preparat biex imexxi din il-Kummissjoni b'dik il-maturità, responsabbiltà u l-bilanċ meħtieġ f'dan iż-żmien meta l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ ir-riżorsi tagħha," qal il-Ministru Attard.
Il-Gvern qiegħed jipprovdi r-riżorsi kollha meħtieġa sabiex din il-Kummissjoni tkompli twettaq ix-xogħol tagħha, inkluż b'żieda fir-riżorsi umani, fejn għaddej proċess ta' reklutaġġ li se jwassal sabiex tkompli tissaħħaħ il-ħila organizzattiva tal-istess Kummissjoni. Hemm anke proċess ta' investiment fil-ħolqien ta' reġistru diġitali.
Il-Gvern iħares 'il quddiem lejn it-tisħiħ tal-attività ta' din il-Kummissjoni taħt il-presidenza tal-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano u bil-kontribut tal-membri l-oħra tal-Kummissjoni.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN