Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA: Verifika ta’ Prestazzjoni: High-Level Review on Enemalta’s Planning and Investment in the Local Distribution Network

pr241204
Date Icon 15/07/2024

L-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, illum ippreżenta l-analiżi msemmija hawn fuq lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Dr Anġlu Farrugia. Din il-verifika ta' prestazzjoni mmirata li tiddetermina jekk l-ippjanar u l-investiment tal-Enemalta, fin-netwerk lokali tad-distribuzzjoni tal-elettriku, hux qed iwassal għal sistema robusta li tista' tissodisfa d-domanda attwali kif ukoll dik futura. Peress li l-qtugħ fil-provvista tad-dawl esperjenzata fis-sajf tal-2023 kien primarjament kawża tal-ħsarat fil-parti tan-netwerk tad-distribuzzjoni ta' vultaġġ għoli (HV), dan ir-rapport jinkludi wkoll analiżi dwar il-prestazzjoni tal-HV netwerk bejn l-2014 u l-2023.

Dan l-eżerċizzju sab li l-qtugħ ta' dawl irrappurtat fis-sajf tal-2023 kien riżultat ta' diversi ħsarat mifruxa mal-HV netwerk. Skont l-Enemalta (li hija l-operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f'Malta – DSO), il-mewġa tas-sħana kif ukoll ż-żieda fl-ogħla domanda għad-dawl, kienu r-raġunijiet ewlenin wara dawn il-ħsarat. Għaldaqstant, l-NAO analizza dawn iż-żewġ fatturi kif ukoll indikaturi oħra bħad-domanda għall-elettriku u l-GDP per capita biex jiġu identifikati xejriet relatati mal-perjodu ta' għaxar snin kopert minn din l-analiżi. Statistika meteoroloġika kkonfermat li t-temperaturi għoljin li ġew esperjenzati b'mod sostnut għal numru ta' ġranet konsekuttivi fis-sajf tal-2023, xi ħaġa mhix tas-soltu għal perjodu daqshekk twil, kienu l-ogħla fil-perjodu analizzat, kif kien ukoll il-każ f'diversi pajjiżi oħra Ewropej. Madanakollu dan l-eżerċizzju wera li l-indikaturi kollha msemmija hawn fuq, kienu qed juru żieda matul il-perjodu ta' din ir-reviżjoni.

Min-naħa l-oħra, l-istatistiki wrew li l-investiment kapitali fil-HV netwerk deher jonqos partikolarment fl-aħħar snin koperti minn dan l-awditu. Dan jikkuntrasta mal-indikaturi msemmija hawn fuq, kif ukoll mal-fatt li l-investimenti fin-netwerk ta' vultaġġ baxx (LV) u l-installazzjoni ta' arloġġi ġodda tal-elettriku kienu qed jiżdiedu tul is-snin. Dan l-istudju sab ukoll li n-nefqa annwali tad-DSO fuq il-HV netwerk kienet ferm inqas mill-baġits annwali allokati għal investiment kapitali. Madankollu, ġustament wieħed irid jirrikonoxxi li l-Enemalta taffaċċja diversi sfidi, li jxekkluha milli tesegwixxi proġetti u xogħlijiet ippjanati, anke jekk dawn ikunu ġew ibbaġitjati. Tali sfidi jinkludu d-disponibbiltà tal-kuntratturi kif ukoll id-disponibbiltà ta' materjali bħal HV cables.

Il-pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerk ma laħqux il-kriterji kollha stabbiliti mill-NAO, li fil-maġġoranza tagħhom joħorġu mill-leġiżlazzjoni pertinenti u min-Network Code tal-Enemalta nnifisha. Barra minn hekk, dan l-uffiċċju osserva li l-proposti ta' rinforz tan-netwerk imħejjija mill-istaff tekniku tad-DSO huma bbażati fuq dak li l-entità tikkunsidra li tista' twettaq b'mod realistiku. Din l-analiżi sabet ukoll li l-Enemalta ma kinitx konformi malobbligu legali tagħha li tippubblika tali pjanijiet ta' żvilupp tan-netwerk u tissottomettihom lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), b'dan tal-aħħar jagħzel li ma jimponix il-penali assoċjati ma' tali ksur.

L-investimenti kapitali fil-HV netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku, ma kinux biżżejjed għalkollox biex jindirizzaw iċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi u klimatiċi prevalenti fl-2023, kif attestat mill-qtugħ estensiv fil-provvista tad-dawl f'dan il-perjodu. Filwaqt li dan l-uffiċċju jinnota li qabel l-okkorrenzi tas-sajf 2023 in-netwerk lokali esperjenza perjodu relattivament stabbli, imma fuq nota pożittiva jinnota ż-żieda sinifikanti fl-investiment kapitali fil-HV netwerk wara l-okkorrenzi tas-sajf tal-2023, li tindika li l-Gvern jirrikonoxxi l-importanza strateġika li jindirizza r-riskji marbuta ma' dan l-inkonvenjent.

Dawn il-kwistjonijiet, flimkien ma' oħrajn, huma ppreżentati b'mod komprensiv fir-rapport tal-verifika ta' prestazzjoni flimkien mar-rakkomandazzjonijiet ta' dan l-uffiċċju. Ir-rapport sħiħ jista' jiġi aċċessat permezz tal-websajt tal-NAO: www.nao.gov.mt kif ukoll fuq il-paġna ta' Facebook tal-NAO www.facebook.com/NAOMalta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow