STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U D-DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Tisħiħ tas-settur agrikolu permezz ta’ sett ta’ regolamenti ġodda
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar sett ta’ regolamenti ġodda li permezz tagħhom se jkompli jissaħħaħ is-settur ferm kruċjali tal-agrikoltura f’pajjiżna.
Dawn ir-regolamenti huma r-Regolamenti tal-2024 dwar il-Kategorizzazzjoni tal-Bdiewa. L-għan tagħhom hu li joħolqu kategoriji ta’ azjendi agrikoli u jikkategorizzaw lill-bdiewa skont l-attività ekonomika tagħhom. Dawn ir-regolamenti huma konformi mal-Politika Agrikola Nazzjonali u jikkumplimentaw ir-Riforma tal-Art Agrikola.
Il-Ministru Refalo stqarr, “Punt importanti ta’ dawn ir-regolamenti huwa li din il-kategorizzazzjoni se sservi bħala għodda biex nifhmu aħjar is-settur agrikolu u jiġu identifikati u indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tiegħu. Din l-għodda se tipprovdi wkoll viżibilità aħjar tas-settur agrikolu għal dawk li jfasslu l-politika biex jinħarġu skemi u politiki aktar b’saħħithom u ffukati.”
Huwa żied jgħid li dawn ir-regolamenti ser ikunu kruċjali għas-sostenibbiltà tas-settur agrikolu. “Dan kollu jimxi id f’id ma’ riformi u ma’ inizjattivi maħruġa mill-Gvern fis-snin u fix-xhur li għaddew u għalhekk hija konferma oħra li l-Gvern jibqa’ jibni fuq, u jsaħħaħ dak li jkun implimenta,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
Id-Direttur għall-Agrikoltura, Marco Dimech, spjega li, “Permezz ta’ dawn ir-regolamenti se jiġi pprovdut qafas legali għall-azjendi agrikoli kummerċjali biex jiġu identifikati f’kategoriji differenti skont l-introjtu annwali tagħhom ikkalkulat abbażi tad-daqs tal-azjenda agrikola u tal-outputs standard applikabbli għalihom.”
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat email fuq agripolicy.mafa@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN