STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-WIRT NAZZJONALI, L-ARTI U L-GVERN LOKALI: Approvati bidliet għar-Regolamenti dwar it-Tqegħid Temporanju ta’ Caravans u ta' Campers fil-Lokalitajiet
Wara diversi diskussjonijiet mal-partijiet kollha kkonċernati li baqgħu għaddejjin matul l-aħħar sena, ġew approvati bidliet għar-Regolamenti dwar it-Tqegħid Temporanju ta’ Caravans u ta' Campers fil-Lokalitajiet, liema regolamenti kienu ġew introdotti fl-1 ta’ Lulju 2023.
Ir-Regolamenti dwar it-Tqegħid Temporanju ta’ Caravans u ta' Campers fil-Lokalitajiet jirregolaw l-attività ta’ użu ta’ campers u ta’ caravans matul ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru ta’ kull sena u dan sabiex jiġi indirizzat xi abbuż li seta’ kien hemm fil-prattika ta’ din l-attività.
Il-bidliet huma s-segwenti:
- Waqt li se jibqa’ jkun meħtieġ li matul ix-xhur imsemmija min jixtieq iqiegħed b’mod temporanju camper jew caravan, irid javża li se jsir dan, din in-notifika mhux se tkun iktar f’forma ta’ applikazzjoni jew talba mal-kunsill lokali rispettiv, iżda minflok isir avviż lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali għat-tqegħid ta’ camper jew caravan għal perjodu massimu ta’ mhux iktar minn sebat ijiem fil-lokalità rispettiva. L-applikazzjoni tista’ ssir ukoll onlajn billi wieħed jaċċessa l-link: localpermits.gov.mt.
- Min ma jottemprax għal din il-proċedura li issa ġiet issimplifikata, ser ikun espost għal kontravenzjonijiet li huma maħsuba fir-regolamenti oriġinali. B’din is-simplifikazzjoni tal-proċedura, se jibqa’ d-deterrent kontra min jabbuża bl-ikkapparrar għal tul mhux raġonevoli ta’ spazji pubbliċi, iżda fl-istess waqt tkun iktar ġusta ma’ min jixtieq li leġittimament jipprattika din l-attività;
- Il-ħlas relattiv matul ix-xhur imsemmija se jibqa’ dak ta’ €5 għal kull jum, iżda se tiddaħħal rata oħra ta’ €0.50 għal kull jum għal min għandu 60 sena jew aktar. Il-flus miġbura ser jingħataw lill-kunsilli lokali tal-lokalitajiet li fihom ikun sar l-avviż għat-tqegħid temporanju ta’ caravan jew ta’ camper;
- Id-dritt mogħti lill-kunsill lokali bis-saħħa tar-Regolamenti dwar it-Tqegħid Temporanju ta’ Caravans u Campers fil-Lokalitajiet biex jamministraw żoni speċifiċi għat-tqegħid ta’ caravans jew ta’ campers (designated sites) li jkun fihom ukoll servizzi ladarba dawn jiġu stabbiliti bil-proċedura kif imsemmija fil-liġi se jibqa’ fis-seħħ.
Dawn il-bidliet ġew ippubblikati f’Avviż Legali relattiv fil-ħarġa tal-lum tal-Gazzetta tal-Gvern.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN