STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI: Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali b’servizzi ġodda psikosoċjali għal persuni LGBTIQ+ u għall-familji tagħhom
Bis-saħħa ta’ ftehim bejn id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi u l-Foundation for Social Welfare Services ser jibdew jingħataw sensiela ta’ servizzi ta’ appoġġ psikosoċjali lil persuni LGBTIQ+ u lill-familji tagħhom.
Dawn is-servizzi ser jingħataw mill-Wellbeing Hub li jinsab f’Raħal Ġdid sakemm jitlestew ix-xogħlijiet biex dawn is-servizzi jibdew jingħataw minn binja fil-Belt Valletta kif ukoll bi programm ta’ outreach li għandu jilħaq ukoll il-komunità f’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li b’dawn is-servizzi ser titwettaq miżura oħra tal-istrateġija nazzjonali għall-ugwaljanza għal persuni LGBTIQ+. Hija qalet li b’dawn is-servizzi ser jassiguraw il-benesseri ta’ individwi u tal-familji tagħhom li jfittxu l-għajnuna biex jegħlbu l-ansjetà u l-istress mentali u psikoloġiċi li jista’ jkollhom minħabba, fost oħrajn, ċerti preġudizzji u stigma li għadhom hemm fost xi wħud, minkejja l-avvanzi kbar li saru f’Malta fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li s-servizz tal-Wellbeing Hub huwa xhieda tal-impenn sħiħ tal-gvern favur l-inklussività u l-ugwaljanza li tinkiseb mhux biss bil-liġijiet iżda wkoll billi jkollna l-qafas tas-servizzi ta’ appoġġ komplut biex kulħadd ikun jista’ jgawdi kwalità ta’ ħajja aħjar bid-dinjità u bir-rispett kollu dovut.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, saħaq li b’dan il-ftehim u bil-kollaborazzjoni mad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-professjonisti speċjalizzati tal-Aġenzija Appoġġ ser jagħtu servizz personalizzat lill-individwi li jfittxu l-għajnuna tagħhom. Huwa qal li dan jinkwadra fil-missjoni soċjali tal-Fondazzjoni li taħdem ma’ gruppi differenti biex tassigura l-ġid komuni u l-benesseri ta’ faxex differenti tas-soċjetà.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN