STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U EWROPEJ U L-KUMMERĊ L-OSCE hija pjattaforma b’saħħitha biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima u sfidi oħra – Ian Borg
Iċ-Chairperson tal-OSCE jtemm żjara fl-Asja Ċentrali b'waqfa fil-Kirgistan
L-OSCE hija pjattaforma b'saħħitha biex nindirizzaw sfidi tranżnazzjonali bħat-tibdil fil-klima, li jeħtieġu koperazzjoni reġjonali u proċessi ffukati fuq ir-riżultati u l-ħtiġijiet.
Waqt żjara uffiċjali fil-Kirgistan nhar il-Ħamis, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ u ċ-Chairperson tal-OSCE Ian Borg saħaq fuq l-importanza tal-koperazzjoni reġjonali fl-Asja Ċentrali u f'reġjuni oħrajn taż-żona tal-OSCE. Din iż-żjara ta' ġurnata fil-kapitali tal-Kirgistan Bishkek ġabet fi tmiemha ż-żjara tal-Presidenza tal-OSCE fl-Asja Ċentrali, li bdiet aktar kmieni din il-ġimgħa, b'waqfiet f'Astana, il-Każakistan, u Dushanbe, fit-Taġikistan.
Il-Ministru Borg ltaqa' mal-President Sadyr Zhaparov, mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Zheenbek Kulubaev u l-iSpeaker tal-Parlament Nurlanbek Shakiev. Kellu wkoll laqgħat mal-Ġeneral Ularbek Sharsheev, id-Direttur tas-Servizzi tal-Fruntieri tal-Kirgistan, kif ukoll ma' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
F'kummenti lill-media, il-Ministru Borg qal li l-OSCE tagħti importanza kbira lid-djalogu kontinwu li għandha mal-Kirgistan fuq diversi temi ewlenin, fosthom l-iżvilupp ekonomiku, id-diġitalizzazzjoni, theddid tranżnazzjonali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà.
Iċ-Chairperson tal-OSCE faħħar il-pjan tal-Kirgistan sabiex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunitajiet li jgħixu fiż-żoni tal-muntanji, u tenna li l-OSCE hija determinata li tkompli tappoġġja din l-inizjattiva.
“It-tibdil fil-klima huwa waħda mill-aktar sfidi ewlenin ta' żmienna, b'implikazzjonijiet fuq l-iżvilupp sostenibbli, il-prosperità, is-sigurtà u l-istabbilità. Jeħtieġ li nintensifikaw l-isforzi tagħna biex insaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet tagħna biex jilqgħu għad-diżastri naturali. Dan ifisser tnaqqis fir-riskji, sistemi ta' twissija minn qabel u titjib fl-immaniġġjar ta' kriżijiet bħal dawn, f'kull żona tal-OSCE, anke fl-Asja Ċentrali," qal il-Ministru.
Fil-Kirgistan, il-Ministru Borg żar ukoll l-Akkademja tal-OSCE, li ilha għal aktar minn żewġ diċenji tipprovdi edukazzjoni fil-livell terzjarju tal-ogħla kwalità lil ħafna studenti mill-Asja Ċentrali, mill-Afganistan, mill-Mongolja u pajjiżi oħra.
L-Uffiċċju li jmexxi l-programm tal-OSCE f'Bishkek qed jiċċelebra l-25 anniversarju tiegħu din is-sena. Matul is-snin, din il-missjoni wettqet mijiet ta' proġetti biex isseddaq is-sigurtà fir-reġjun.
“L-Organizzazzjoni impenjata li tkompli tappoġġja lil Kirgistan fuq it-tliet dimensjonijiet tas-sigurtà, sabiex nibnu futur aktar sigur għall-popli f'dan ir-reġjun," temm jgħid il-Ministru.
Malta bdiet 12-il xahar ta' Presidenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) f'Jannar, bit-tema “Insaħħu r-Reżiljenza, Intejbu s-Sigurtà", wara li ġiet eletta unanimament biex tmexxi din l-organizzazzjoni għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, f'Novembru tal-2023.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN