STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR: REWS tniedi One-Stop-Shop għall-applikazzjonijiet ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli
Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, flimkien mar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), nedew One-Stop-Shop diġitali biex jiġbor flimkien l-applikazzjonijiet kollha għall-permessi meħtieġa għall-installazzjoni ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala kbira u dawk li japplikaw għat-20-year feed-in-tariff, esklużi dawk li wieħed japplika għalihom permezz ta’ skemi ta’ għotjiet.
Din il-pjattaforma diġitali għandha l-għan li tissimplifika u tikkoordina l-proċessi tal-entitajiet ewlenin involuti fil-proċeduri tal-permessi għas-Sistemi tal-Enerġija Rinnovabbli. Dawn l-entitajiet jinkludu r-REWS, l-Enemalta plc., u l-ARMS Ltd. Billi tintegra dawn il-proċessi f’sistema waħda, il-pjattaforma se tipprovdi proċess aktar effiċjenti.
Id-dettalji ta’ din l-inizjattiva tħabbru mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ REWS Inġ. Marjohn Abela.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, "Din il-pjattaforma diġitali timmarka pass importanti lejn futur sostenibbli. Billi nissimplifikaw il-proċess tal-permessi għal sistemi ta’ enerġija rinnovabbli, qed nagħmluha aktar faċli għall-individwi u n-negozji biex jikkontribwixxu għall-miri tagħna ta’ enerġija rinnovabbli. Din l-inizjattiva turi l-impenn tagħna biex innaqqsu l-carbon footprint ta’ pajjiżna. Ninsabu kommessi biex inkomplu ninkoraġġixxu l-adozzjoni ta’ sistemi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll nassiguraw li l-infrastruttura tkun lesta biex tappoġġja dan it-tkabbir b’mod effiċjenti u sigur.”
Il-Kap Eżekuttiv Marjohn Abela qal, “L-ewwel pjattaforma diġitali nħolqot fl-2015, proprju meta kien ġie stabbilit l-irwol ta’ regolatur. Din l-ewwel pjattaforma kienet tiġbor fiha applikazzjonijiet għal installazzjonijiet ta’ panelli voltajiċi mogħtija permezz ta’ grants. Minn dak iż-żmien ’l hawn, saru żviluppi kbar fit-teknoloġija, u s-sigurtà ta’ informazzjoni diġitali. Nemmen li din il-pjattaforma diġitali li qegħdin inħabbru llum toffri numru ta’ benefiċċji fosthom li se tkun qed tassigura esperjenza aktar faċli u konvenjenti għall-applikanti u hija turija ċara kemm bħala regolatur ninsabu kommessi biex dejjem intejbu s-servizzi tagħna.”
Il-pjattaforma għandha l-applikazzjonijiet kollha għall-permessi relatati mas-sistemi tal-enerġija rinnovabbli miġbura f’sistema waħda, u b’hekk tintegra l-proċessi tal-entitajiet ewlenin involuti. In-nies jistgħu faċilment isegwu l-applikazzjoni tagħhom u jaraw f’liem stadju tinsab filwaqt li jistgħu jaċċessaw din il-pjattaforma permezz tal-E-ID personali.
L-individwi jistgħu jimlew l-applikazzjonijiet onlajn personalment jew jawtorizzaw lill-fornituri biex jissottomettu l-applikazzjonijiet f'isimhom. Is-sistema tal-pjattaforma diġitali tippermetti lill-fornituri irreġistrati biex isegwu kull applikazzjoni li jissottomettu f’isem il-klijenti tagħhom.
Għal aktar informazzjoni u biex taċċessa l-One-Stop Shop, żur https://rews.org.mt.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN