STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, L-INFRASTRUTTURA U X-XOGĦLIJIET PUBBLIĊI: Titnieda l-kampanja annwali dwar is-Sigurtà fuq il-Baħar
Bdiet il-kampanja annwali ta' Transport Malta favur is-sigurtà fuq il-baħar bit-titlu 'Meta Tkun Traskurat Taf Tkisser Ħajja – Kun Prudenti fil-Baħar'.
Ħabbar din l-inizjattiva l-Ministru Chris Bonett flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta il-Kur. Dr Mark Mallia. Inizjattiva li għandha l-għan li tenfasizza l-importanza tar-responsabbiltà ta' kulħadd, biex ikun jista' jitgawda l-ħin fuq il-baħar b'mod aktar sigur. Il-kampanja tiffoka fuq baħar aktar sigur għal dawk li għandhom id-dgħajjes, għall-għawwiema, u l-għaddasa.
Fil-fatt, il-kampanja ta' din is-sena ser tkopri firxa ta' suġġetti:
- Użu ta' ġkieket tas-salvataġġ
- Użu responsabbli tal-mollijiet
- Avviżi lill-Baħħara
- Użu ta' fairways
- Rimi sigur ta' skart iġġenerat fuq il-baħar
- Kontroll tal-volum tal-mużika
- Veloċitajiet u distanzi mill-kosta
- Żoni għall-għawwiema
- Użu ta' alpha flags
- Tindif tal-bastimenti
- Użu ta' navigational aides
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett saħaq kif bi mġiba responsabbli, nistgħu nipprevjenu l-inċidenti, nipproteġu l-ambjent tal-baħar tagħna, u niżguraw li kulħadd ikun jista' jgawdi l-ħin tiegħu fuq il-baħar b'mod sigur.
“L-ammont ta' nies kemm lokali kif ukoll turisti li jagħmlu użu mil-kosta u l-ibħra Maltin, jenfasizza l-irwol ta' Transport Malta bħala r-regolatur li jeduka lill-pubbliku bl-aħjar mod possibbli sabiex nassiguraw is-sigurtà fl-ibħra tagħna. B'din il-kampanja, qed nestendu id ta' kooperazzjoni mal-pubbliku u nimpenjaw ruħna b'mod responsabbli filwaqt li nifhmu li kull wieħed minna għandu rwol x'jaqdi biex nassiguraw baħar aktar sigur."
Min-naħa tiegħu, il-Kur. Dr Mark Mallia, Kap Eżekuttiv ta' Transport Malta, stqarr li, “L-ibħra tagħna huma wieħed mill-akbar teżori ta' Malta, u hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna li niżguraw li jibqgħu siguri u pjaċevoli għal kulħadd. Din il-kampanja hija inizjattiva importanti li tenfasizza l-importanza ta' mġiba responsabbli fuq il-baħar, billi niffokaw fuq prattiki ewlenin ta' sikurezza, u trawwem kultura ta' rispett u għarfien."
Din il-kampanja, li ser tkun għaddejja matul l-istaġun tas-sajf sa Settembru, ser tinkludi diversi inizjattivi, avvenimenti u programmi edukattivi li jinvolvu lill-pubbliku filwaqt li tingħata viżibilità s-sigurtà fuq il-baħar.
Qed isir appell ukoll lil dawk li jbaħħru, l-għaddasa u l-għawwiema kollha biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-kampanja billi jiffamiljarizzaw ruħhom mal-linji gwida tas-sikurezza u jipprattikaw prattiċi sostenibbli. Waqt li naħdmu flimkien, nistgħu niżguraw is-sigurtà ta' kull min igawdi mill-kosta tal-gżejjer Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN