STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ARTIJIET U L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM ELETTORALI U MIS-SEGRETARJAT GĦALL-UGWALJANZA U R-RIFORMI Investiment f’ċentru tal-komunità għall-persuni LGBTIQ+ u l-familji tagħhom
Se jibda x-xogħol ta' restawr u rinnovazzjoni fuq binja tal-gvern f'Triq l-Ifran il-Belt, biex isservi ta' ċentru tal-komunità li ser jipprovdi servizzi psikosoċjali għall-persuni LGBTIQ+ u l-familji tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg, waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn ħabbru kif dan il-proġett qed isir b'investiment pubbliku bil-għan li tkompli l-mixja lejn l-ugwaljanza.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li grazzi għat-trasferiment ta' din il-binja se tkun qed titwettaq wegħda elettorali oħra li saret lill-komunità LGBTIQ+. Il-ministru spjega kif l-Awtorità tal-Artijiet qed tagħmel eżerċizzju importanti biex fejn hemm propjetà tal-Gvern li tista' tkun ta' użu għal komunitajiet, isir ħidma ma' entitajiet oħra tal-Gvern sabiex dawn il-binjiet jerġgħu jieħdu l-ħajja lura.
“Il-valur ta' binja ma jiġix determinat biss mill-aspett finanzjarju iżda jiddependi wkoll mill-użu li nagħmlu minnha. Għalhekk ninsab persważ li dan it-trasferiment mhux biss se jkun ta' kontribut kbir għal komunità LGBTIQ+, iżda wkoll għas-soċjetà inġenerali," stqarr il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi.
Huwa temm jgħid li l-Awtorità tal-Artijiet se tkompli taħdem b'reqqa u responsabbiltà ma' diversi NGOs kif ukoll mal-Kunsilli Lokali biex jiġu identifikati aktar siti li jistgħu jiġu utilizzati aħjar għal benefiċċju tas-soċjetà.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li dan iċ-ċentru ser ikun ħolqa oħra f'katina li għandha tkompli tqarreb il-komunità LGBTIQ+ lejn l-ugwaljanza u ssaħħaħ ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għal persuni queer. Hija żiedet tgħid li għalkemm fl-aħħar għaxar snin saru passi sinifikanti f'dan il-qasam, tant li Malta għad-disa' sena kklassifikat fl-ewwel post fl-indiċi Ewropew dwar l-ugwaljanza, għadhom jippersistu ċerti preġudizzji u diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ+.
“Ir-revoluzzjoni fid-drittijiet ċivili li saret matul dawn l-aħħar għaxar snin turi biċ-ċar il-passi sinifikanti li l-Maltin għamlu biex għelbu l-preġudizzji li kienu jeżistu kontra l-komunità LGBTIQ+, madankollu fadal aktar x'isir u l-Gvern huwa impenjat biex titrawwem aktar mentalità u kultura favur l-ugwaljanza biex kull individwu, jkun trattat b'rispett u dinjità," qalet is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.
Dan iċ-ċentru se joffri numru ta' servizzi taħt saqaf wieħed fosthom, għajnuna emozzjonali u psikoloġika b'servizz ta' konsulenza u terapija biex jgħin lil individwi jindirizzaw l-isfidi emozzjonali u mentali li jistgħu ikunu qed jaffaċċjaw, servizzi tas-saħħa bħal Gender Wellbeing Clinic kemm dawk provduti mill-istat u oħrajn li ser jingħataw mill-NGOs li jaħdmu f'dan is-settur. Iċ-ċentru ser iservi wkoll biex jindirizza każijiet ta' diskriminazzjoni billi joffri servizzi ta' pariri u appoġġ psikosoċjali li persuni li jiffaċċjaw xi forma ta' diskriminazzjoni.
Funzjoni oħra importanti ta' dan iċ-ċentru hija li jippromwovi l-ugwaljanza permezz ta' kampanji ta' għarfien u edukazzjoni biex iġib bidla għall-aħjar fil-mentalitajiet sterjotipiċi li għadhom jippersistu, filwaqt li jipprovdi aċċess għal riżorsi u opportunitajiet ta' tagħlim fost oħrajn b'librerija speċjalizzata.
L-iskop ta' dan il-proġett huwa li jsaħħaħ l-inklużjoni soċjali għaliex ser jipprovdi spazju fejn persuni LGBTIQ+ jistgħu jiltaqgħu, jinteraġixxu u jappoġġjaw lil xulxin bl-iskop li jikkontribwixxu għal soċjetà iktar koerenti u inklussiva. L-għan taċ-ċentru huwa wkoll li jservi ta' appoġġ għal familji b'sessjonijiet ta' informazzjoni lil ġenituri biex jifhmu aktar u jaċċettaw l-identità tat-tfal tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN