STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INKLUŻJONI U L-VOLONTARJAT Ċentru Stubbs - L-Inspire bi proġett ġdid f’Marsaskala biex jiġu megħjuna aktar nies b’diżabilità
Proġett li se jtejjeb il-ħajja ta' aktar minn 5,000 persuna b'diżabilità u l-familji tagħhom
Bdew il-preparamenti meħtieġa għal proġett multimiljunarju ġdid tal-Inspire, bl-isem Ċentru Stubbs, li se jgħin biex din l-għaqda tkompli taqdi b'mod aħjar persuni b'diżabilità filwaqt li tipprovdi faċilitajiet u servizzi ġodda.
Dan il-proġett tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tal-Inspire, Antonello Gauci, fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, li ngħatat dettalji dwar dan il-proġett.
Il-proġett Ċentru Stubbs se jikkonsisti fi spazji aċċessibbli mgħammra bit-teknoloġija neċessarja biex jingħata tagħlim edukattiv, rikreattiv, terapewtiku kif ukoll dak soċjali. Dan iċ-ċentru ser ikun qed joffri numri ta' programmi ġodda, fosthom programm għal għajxien indipendenti, daycare centre speċjalizzat, programmi biex jgħinu adulti b'diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol kif ukoll ċentru ta' respite. Barra minn hekk, programmi preżenti ser ikunu qed jiġu estiża wkoll.
Fil-preżent, l-Inspire topera minn Bulebel u Għajnsielem f'Għawdex. Din l-għaqda volontarja toffri wkoll servizzi u faċilitajiet minn Marsaskala, fejn jiġu offruti numru ta' servizzi bħall-użu tal-pixxina msaħħna, terapija permezz taż-żwiemel u annimali oħra, kmamar multisensorjali, fost spazji terapewtiċi oħra li bħalissa jagħmlu użu minnhom aktar minn 1,700 persuna ta' etajiet u abbiltajiet differenti.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli faħħret il-ġid imprezzabbli li qed twettaq din l-għaqda fil-ħajja ta' ħafna nies u l-familjari tagħhom. “Irridu nkomplu naraw investiment tal-ogħla livell fis-settur tad-diżabilità. Huwa għalhekk li bħala Gvern mhux biss se nkomplu nżidu l-għajnuna u l-iskemi favur persuni b'diżabilità, iżda se nkomplu noffru l-appoġġ assolut tagħna favur għaqdiet bħall-Inspire," temmet tgħid il-ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Inspire semma li f'din l-aħħar sena, l-organizzazzjoni laħqet miri importanti. “Huwa ta' sodisfazzjon li permezz ta' għajnuna u kollaborazzjonijiet ma' entitajiet differenti, inkluż dawk governattivi, privati u oħrajn volontarji, l-Inspire tista' tkompli timraħ 'il quddiem biex toffri aktar servizzi bil-għan li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' min qed jibbenefika mill-ħidma tagħha," temm jgħid is-Sur Gauci.
Il-Kap tat-Taqsima tas-Servizzi tal-Inspire, Laura Sue Armeni, enfasizzat fuq l-impatt soċjali li proġett ta' din ix-xorti ser ikollu, u kemm aktar nies ser jiġu direttament mgħejuna b'dawn is-servizzi u l-faċilitajiet ġodda. Min-naħa tagħha, il-Kap tal-Finanzi, Giovanna Mirabile, spjegat li dan il-proġett ilu snin twal jiġi ppjanat u li issa wasal fl-istadju li jitwettaq.
Finalment, ġiet ukoll imħabbra d-data tal-maratona ġbir ta' fondi bl-isem ta' 'Inspire Bżonnok', li se tixxandar nhar l-4 ta' Awwissu bejn il-11am u l-11pm fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali, bl-iskop li jinġabru fondi għal dan l-istess proġett.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN