STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI U MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DJALOGU SOĊJALI: L-MCESD jiddiskuti l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Ħiliet u d-Direttiva CSRD
Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), ġew diskussi diversi temi, fosthom l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Ħiliet u d-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD).
Fl-ewwel parti tal-laqgħa, rappreżentanti mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u mir-Reġistru Kummerċjali ta’ Malta (MBR), ippreżentaw il-Corporate Sustainability Reporting Directive (CSRD) il-ġdida. Din id-direttiva għandha l-għan li ttejjeb ir-responsabbiltà tal-kumpaniji fir-rigward tas-sostenibbiltà. Waqt il-laqgħa ngħatat spjegazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni f’fażijiet tad-direttiva ġdida.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul tkellem dwar l-importanza ta’ dan id-djalogu mal-imsieħba soċjali sabiex jiddiskutu kif id-direttiva ġdida tal-Unjoni Ewropea se taffettwa l-operat tan-negozji.
Matul it-tieni parti tal-laqgħa, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet tkellem dwar l-Istrateġija l-ġdida dwar il-Ħiliet, li tiffoka fuq il-ħiliet diġitali u l-ekonomija ekoloġika biex tħejji ż-żgħażagħ għall-futur.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li, “Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet għandu rwol importanti, dak li jiġbor ir-riċerka li turina evidenza li permezz tagħha nkunu nistgħu nuru lill-istudenti tagħna u lil diversi stakeholders, toroq differenti li pajjiżna qed joffri, kemm għall-preżent u anke għall-futur.” Huwa kompla jgħid li l-laqgħa tal-lum tkompli tikkonferma kemm hu importanti li l-istudenti jkollhom l-aqwa opportunitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul enfasizza fuq l-importanza tal-ħiliet diġitali u l-ekonomija ekoloġika biex tħejji ż-żgħażagħ għall-futur ta’ pajjiżna.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb qal li, “Id-diskussjonijiet tal-lum jenfasizzaw l-importanza tal-istrateġiji ekonomiċi tagħna mas-suq tax-xogħol li dejjem qed jevolvu. Is-CSRD u l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Ħiliet huma passi kruċjali lejn il-preparazzjoni tas-suq tax-xogħol tagħna għal sfidi futuri.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN