STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-ANZJANITÀ ATTIVA Seminar għall-anzjani li jattendu l-Università tat-Tielet Età fuq l-abbuż finanzjarju u frodi fl-anzjanità
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-Abbuż fuq l-Anzjani, li jiġi mfakkar fil-15 ta' Ġunju, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità organizzat seminar fuq abbuż finanzjarju u frodi fl-anzjanità għall-anzjani li jattendu l-Università tat-Tielet Età.
Dan is-seminar, li ġie indirizzat ukoll mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo Degabriele, u l-Professur Marvin Formosa, mill-Università ta' Malta, ipprovda tagħrif siewi u informazzjoni minn professjonisti dwar kif l-anzjani jistgħu jipproteġu ruħhom minn abbużi finanzjarji.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Galea esprima l-importanza tal-edukazzjoni fil-ġlieda kontra l-abbuż finanzjarju u tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li l-anzjani jkunu konxji ta' kull tip ta' abbuż, inkluż dak finanzjarju, anke minn familjari stess.
Dan is-seminar, li jagħmel parti minn kampanja edukattiva dwar l-abbuż finanzjarju u frodi fl-anzjanità, huwa parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva 2023-2030. Fix-xhur li għaddew saru diversi seminars lill-anzjani fil-komunità u oħrajn fid-djar residenzjali. L-għan ewlieni ta' dawn is-sessjonijiet huwa li jiżdied l-għarfien fuq it-tipi ta' abbuż finanzjarju li l-anzjani jistgħu jesperjenzaw, kif dawn l-abbużi jistgħu jiġu evitati u fejn wieħed jista' jsib l-għajnuna.
Il-kelliema kienu jinkludu professjonisti li jaħdmu f'dan il-qasam, fosthom ħaddiema soċjali li jaħdmu mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, professjonisti mill-Bord tal-Kustodja, mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi tal-Kriminalità, mill-MITA, u l-Pulizija mis-sezzjoni tal-frodi. Dawn il-professjonisti pprovdew informazzjoni fuq is-servizzi offruti fil-qasam rispettiv tagħhom, kif ukoll offrew gwida dwar kif persuni anzjani jistgħu jiġu riferuti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN