STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, L-ENERĠIJA U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Transformer ġdid fiċ-ċentru tad-distribuzzjoni li ser iżid il-kapaċità b’50%
Investiment minn Enemalta ser iżid il-kapaċità taċ-ċentru tad-distribuzzjoni ta' Buġibba b'50%, b'installazzjoni ta' transformer ġdid. B'dan il-proġett, li mistenni jkun iffinalizzat sal-aħħar ta' dan ix-xahar, ser issir l-estensjoni ta' dan iċ-ċentru ta' distribuzzjoni li ser issaħħaħ is-servizzi tal-elettriku lil madwar 25,000 konsumatur f'din iż-żona.
Dan iċ-ċentru ta' distribuzzjoni jissuplixxi numru ta' substations li jagħtu s-servizz tal-elettriku lill-konsumaturi fil-lokalitajiet tal-Qawra, San Pawl il-Baħar u Buġibba.
Waqt żjara f'dan iċ-ċentru, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli u ċ-Chairperson Eżekuttiv Inġ. Ryan Fava rringrazzjaw it-tim ta' inġiniera u tekniċi li qegħdin jaħdmu fuq dan il-proġett. Enemalta bħalissa qiegħda timplimenta diversi proġetti biex tkompli ssaħħaħ id-distribuzzjoni tal-elettriku.
“Id-domanda tal-elettriku f'din iż-żona tiżdied speċjalment fix-xhur tas-sajf. Bħala parti mix-xogħol ta' rinfurzar li għaddej minn Enemalta f'Malta u Għawdex, qegħdin insaħħu is-servizz tal-elettriku f'din iż-żona. L-installazzjoni ta' transformer ġdid ser iżid kemm il-kapaċità ta' dan iċ-ċentru ta' distribuzzjoni kif ukoll r-reżiljenza meta d-domanda tiżdied," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
L-Inġ. Ryan Fava spjega li dan it-transformer ġdid ser ikollu kapaċità ta' 30MVA. Dan ser jgħin id-distribuzzjoni tal-elettriku speċjalment meta d-domanda tiżdied f'dawn iż-żoni. Enemalta f'dan iċ-ċentru qiegħda wkoll testendi r-'remote operation' u moniteraġġ ta' dan iċ-ċentru biex l-inġiniera jkunu jistgħu jikkontrollaw u jħaddmu dan it-transformer il-ġdid mill-control room fil-Marsa.
Enemalta qed tippjana wkoll proġetti oħrajn li ser jitwettqu fis-snin li ġejjin, fosthom iċ-ċentri ta' distribuzzjoni ġodda fin-Naxxar u s-Siġġiewi li bħalissa qegħdin fi stadju ta' ppjanar u evalwazzjoni tal-offerti. F'Diċembru li għadda, Enemalta ħarġet sejħa għall-offerti għall-immodernizzar taċ-ċentru ta' distribuzzjoni fl-Imsida kif ukoll ser isir t-tkabbir taċ-ċentru ta' distribuzzjoni ta' St. Andrew, f'Pembroke.
Fi proġett separat li ġie varat f'Diċembru, Enemalta poġġiet aktar minn 70 kilometru ta' cable taħt l-art ta' 11-kilovolt. Permezz ta' dawn il-cables ġodda Enemalta qed iżżid il-kapaċità, ir-reżiljenza u l-flessibiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Dan biex jitnaqqas ir-riskju ta' interruzzjonijiet fin-network filwaqt li tnaqqas il-ħin li fih tingħata lura l-provvista meta jinqalgħu diffikultajiet.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN