STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA U R-RIFORMA TAS-SETTUR TAL-KOSTRUZZJONI Ftehim kollettiv ġdid għall-OHSA fi żmien importanti ta’ riforma fis-settur
Hekk kif is-settur tas-saħħa u s-sigurtà għaddej minn żmien importanti ta' riforma, ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-professjonisti fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).
Waqt li kien qed jippresjedi l-iffirmar tal-ftehim kollettiv, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal, “Jien dejjem nara żewġ skopijiet ewlenin fi ftehim kollettiv, dak li nivvalorizzaw il-ħaddiema eżistenti, kif ukoll mezz ta' kif nistgħu nkomplu nattiraw aktar ħaddiema lejn l-Awtorità. Bħala gvern mhux biss bil-kliem imma bil-fatti qed naħdmu fuq il-valur tal-ħaddiem u l-impenn li noħolqu karrieri."
Il-Ministru spjega li sa tmiem tas-sena d-dieħla huwa ippjanat li l-għadd ta' ħaddiema fi ħdan l-awtorità jitla' minn 26 għal 80, u dan anke bl-assistenza ta' istituzzjonijiet edukattivi permezz ta' taħriġ speċjalizzat.
“L-OHSA għandha rwol kruċjali fejn tidħol ir-riforma tas-settur tal-kostruzzjoni u fiduċjuż li dan il-ftehim kollettiv se jkun qed iservi ta' qafas biex inkomplu nirristrutturaw l-entità u lill-ħaddiema biex jkomplu jaqdu l-funzjoni tagħhom bl-aktar mod effiċjenti possibbli, ħalli mhux biss nilħqu l-aspettativa tan-nies imma wkoll nirrispondu għall-esiġenzi fis-settur", tenna l-Ministru Attard.
Huwa tkellem ukoll dwar ix-xogħol li għaddej fuq l-att il-ġdid tal-OHSA li kien jeħtieġ reviżjoni hekk kif il-liġi ilha fis-seħħ għal dawn l-aħħar 20 sena. Permezz tal-liġi ġdida tal-OHSA mhux biss se jiġu msaħħin l-istrutturi organizzattivi tal-Awtorità bit-tisħiħ tal-Bord u l-Eżekuttiv, iżda wkoll se tinkludi sistema ġdida ta' penali, proċeduri ta' kompromess, formulazzjoni ta' tribunal ġdid tal-Awtorità u l-introduzzjoni ta' uffiċjal ġdid responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà fi ħdan il-postijiet tax-xogħol.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar titjib fil-kollaborazzjoni bejn l-OHSA u l-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, mhux biss biex tiżdied l-effettività fl-aspett ta' infurzar tas-settur tal-kostruzzjoni, imma wkoll biex jingħata servizz aħjar liċ-ċittadini partikolarment dawk affettwati mill-kostruzzjoni.
Il-Ministru Attard temm jirringrazzja lil dawk kollha involuti fid-diskussjonijiet biex seta' jkun hemm qbil dwar dan il-ftehim kollettiv u b'mod speċjali lill-ħaddiema kollha li għandhom ir-responsabbiltà li ta' kuljum joffru l-aħjar servizz liċ-ċittadin.
Indirizzaw ukoll lil dawk preżenti għaċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-ftehim kollettiv, Dr Josianne Cutajar il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA u l-President tal-General Workers' Union Victor Carachi.
Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Johan Galea, s-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-General Workers' Union Riccarda Darmanin u Thomas Woods, Kap tar-Relazzjonijiet Industrijali fi ħdan id-Diviżjoni Nies u Standards.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN