STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-IPPJANAR Ġew imġedda l-partnership agreements bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u Wirt Għawdex
Wirt Għawdex se tkompli tħares ħames siti storiċi f'Għawdex
Ġew imġedda l-partnership agreementsbejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u l-organizzazzjoni volontarja Wirt Għawdex li permezz tagħhom din l Organizzazzjoni Volontarja ser tħares u tipproteġi ħames siti storiċi importanti li jinsabu f'Għawdex għat-tgawdija tal-ġenerazzjonijiet futuri u ser tipprovdi aċċess għalihom.
Dawn il-partnership agreements, li jkopru perjodu ta' għaxar snin, ser jikkontribwixxu għat-titjib, riabilitazzjoni u restawr tal-wirt kulturali tanġibbli, ser itejbu l-immaniġġjar tal-istess siti u ser iżidu l-apprezzament u l-fehim tal-wirt arkitettoniku tagħna.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri qal li dan l-iffirmar tal-lum juri biċ-ċar l-impenn tal-Gvern għal dak li għandu x'jaqsam mal-ħarsien tal-wirt kulturali u fl-istess waqt huwa eżempju tas-sostenn li l-Gvern jagħti lill-Għaqdiet Volontarji fil-ħidma tagħhom b'risq wirt artna. Huwa awgura li permezz ta' dawn il-Partnership Agreements, aktar nies, inkluż residenti Għawdxin, isiru jafu aktar b'dawn is-siti storiċi u l-istorja abbinata magħhom.
Dr Joseph Caruana, President tal-Għaqda Volontarja Wirt Għawdex, qal li apparti l-ħarsien u l-manutenzjoni tas-siti storiċi msemmija, din l-għaqda qed taħdem biex aktar wirt kulturali Għawdxi jiġi ppreservat u jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri.
Dan il-ftehim ġie iffirmat mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, John Borg u l-President ta' Wirt Għawdex, Dr Joseph Caruana. Preżenti kien hemm il-Ministru Clint Camilleri, id-Direttur għal Wirt Kulturali, John Xuereb u l-Viċi President ta' Wirt Għawdex, Ryan Bajada.
Is-siti huma x-Xelters tat-Tieni Gwerra Dinjija fit-telgħa taċ-Ċittadella, il-Batterija, il-Porvlista u x-Xelters fiċ-Ċittadella, Dar il-Gvernatur fi Triq l-Imġarr, Victoria, li qed isservi bħala Kwartieri Ġenerali tal-istess NGO, it-Torri ta' Mġarr ix-Xini, u l-Kappella ta' Santa Ċeċilja, f'Għajnsielem, l-unika kappella medjevali li għadha teżisti f'Għawdex, u li fiha ġew iffirmati l-partnership agreements.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN